Żgur tiftakru lil Kim Possible u lil Power Rangers!
Il-ġranet tat-tfulija qabel l-iskola kienu jinħassu maġiċi, speċjalment bl-eċitament li konna nħssu meta konna naraw programmi tant għażiżi għalina bħal Kim Possible u naturalment, Power Rangers. Dawn il-programmi ma kinux biss programmi tat-televiżjoni, iżda kienu ritwali ta’ kuljum li jagħtuna l-enerġija għall-bqija tal-ġurnata.
Kim Possible kienet l-ikona tal-girl power kif ngħidu bl-Ingliż, speċjalment bil-qagħda tagħha li ma tibżgħax, il-ħiliet teknoloġiċi, u l-frażi famuża tagħha “What’s the sitch?”. Kim urietna li b’ftit kuraġġ u kunfidenza, kollox jista’ jkun possibbli—anke li ssalva d-dinja qabel il-kolazzjon! Konna nħarsu lejn l-avventuri tagħha b’ammirazzjoni, u l-ħbiberija tagħha ma’ Ron u Rufus kienet il-qofol tal-kunċett #SquadGoals.
Power Rangers kienu ħaduna fuq vjaġġ differenti. Bil-kostumi kkuluriti tagħhom u l-battalji spettakolari, kienu l-eroj li konna nixtiequ nkunu. Kull episodju kien mimli azzjoni, ħidma f’tim, u tagħlim importanti fil-ħajja, ifakkarna li t-tajjeb dejjem jirbaħ fuq il-ħażen, minkejja l-isfidi.
Dawn il-programmi ma kinux biss divertiment; kienu parti mill-identità tat-tfulija tagħna, jimlgħu l-bqija tal-ġurnata b’eċitament u ispirazzjoni li akkumpanjawna matul il-ġurnata skolastika.