7 raġunijiet għaliex għandek tfittex l-għajnuna għas-saħħa mentali

 7 raġunijiet għaliex għandek tfittex l-għajnuna għas-saħħa mentali

Li tieħu ħsieb is-saħħa mentali huwa importanti daqs li wieħed jieħu ħsieb is-saħħa fiżika. Madanakollu, ħafna bħal donnhom jibżgħu jfittxu l-għajnuna. Hemm min għax jaħseb li ta’ madwaru se jiġġudikawh, u min għax jinsisti li t-terapija mhux se tgħinu. Dawn, u raġunamenti oħrajn iwaqqfu ħafna persuni li għandhom bżonn l-għajnuna milli jfittxuha. 

Hawn taħt se nagħtukom ftit raġunijiet għaliex għandkom tfittxu l-għajnuna sabiex tipproteġu u tieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħkom.

  1. Hija xi ħaġa normali – kulħadd jgħaddi minn sfidi fil-ħajja. Forsi ħriġt minn relazzjoni twila, tlift ix-xogħol jew tlift lil xi maħbub jew maħbuba. Għajnuna psikoloġika tista’ tiggwidak f’mumenti diffiċli u tfakkrek li m’intix waħdek.
  2. Sħabek u l-familja tiegħek mhux professjonisti – filwaqt li sħabek u l-familja tiegħek jippruvaw jgħinuk, huma mhux imħarrġa biex joffrulek gwida effettiva u imparjzali.
  3. Is-saħħa mentali hija xi ħaġa valida u importanti – m’għandekx tistħi jekk issofri minn ansjetà, dipressjoni jew xi problemi oħra tas-saħħa mentali. It-terapija tista’ tgħinek tifhem aktar dak li tħoss u ssib metodi aħjar biex tindirizzah.
  4. Ittejjeb is-saħħa fiżika – is-saħħa mentali u dik fiżika huma kollegati. Meta ma ssolvix problemi emozzjonali, tista’ taffettwa wkoll is-saħħa fiżika bħal uġigħ ta’ ras, nuqqas ta’ rqad u riskju ta’ mard kroniku.
  5. Għad m’hawnx biżżejjed edukazzjoni fuq ħiliet emottivi – is-saħħa mentali huwa suġġett kumpless u l-intelliġenza emozzjonali mhix xi ħaġa li tkun taf b’mod awtomatiku. It-terapija tgħinna nifhmu u nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna b’mod effettiv.
  6. Problemi li ma jiġux indirizzati, jikbru – meta tinjora problemi li jista’ jkollok, se tispiċċa tiggravahom. Dan daqs li kieku jkollok xi sinna qed tuġgħek u tħalliha tirkadi minflok taqbad u tmur għand dentist.
  7. Inti ħaqqek is-support neċessarju – kulħadd ħaqqu jirċievi s-support li hemm bżonn. It-terapija tista’ tgħinek tibni ħajja aħjar, taffaċċja r-relazzjonijiet u taffronta l-isfidi b’kunfidenza.

Is-saħħa mentali hija importanti, tittraskurahiex!

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com