Karozzi: mudelli klassiċi u l-verżjoni moderna tagħhom
Il-maġġoranza tagħna naqblu li l-karozza hija bżonn iktar milli kapriċċ. Wasal anki dak iż-żmien meta bdew jinġiebu eluf ta’ karozzi użati tajbin minn barra minn Malta bi prezzijiet li seta’ jaffordja kulħadd u b’hekk in-numru ta’ karozzi fit-toroq ta’ pajjiżna żdied b’mod drastiku. Mela l-karozza llum hija kumdità imma fl-istess ħin hija wkoll il-problema ewlenija għaliex qed jinħoloq daqstant traffiku fit-toroq. U tisma’ bosta Maltin jgħidulek li t-trasport pubbliku mhux għalihom qiegħed imma għall-mijiet ta’ barranin li qed jaħdmu hawn Malta. Kemm hu minnu dan kulħadd jarah b’għajnejh meta joħroġ mill-bieb tad-dar ’il barra.
Issa, hemm min jgħidlek li kien hemm żmien meta l-karozzi kienu karozzi tassew, minkejja li ma kinux mifqugħin bil-kumditajiet elettroniċi li fihom illum. Hemm min jgħidlek li l-karozzi tal-lum huma kollha l-istess u magħmulin minn materjali skadenti. Kollox fih it-tajjeb u l-ħażin tiegħu ladarba hu veru wkoll li l-karozzi tal-lum ma jniġġsux l-arja u lanqas isaddu bħalma kienu jagħmlu l-mudelli l-antiki.
Imma hemm imbagħad dawk li għalihom il-karozza hija gost. Qed nirreferi għad-dilettanti tal-karozzi klassiċi, mela karozzi li mill-inqas għandhom 30 sena u iktar. Dawn jinkitbu fi klabbs apposta, jiggaraxxjaw il-karozzi tagħhom u jieħdu ħsiebhom daqslikieku kienu wliedhom. Joħorġuhom darba kultant fil-bnazzi anki biex juruhom u jiftaħru bihom quddiem mijiet ta’ dilettanti tal-karozzi.
Illum saret moda li joħorġu verżjonijiet moderni ta’ mudelli ta’ karozzi klassiċi. Insemmi bħala eżempju l-Fiat 500, il-Mini Cooper, ic-Citroen DS, il-Volkswagen Beatle, l-iSkoda Rapid, il-Honda Civic, u oħrajn. Ġieli naraw ukoll fuq il-midja soċjali disinni riveduti ta’ mudelli klassiċi bħal dak tal-Ford Capri. Imma nafu wkoll li mhux kulħadd joħroġ kuntent b’dawn it-trasformazzjonijiet mill-mudell l-antik għal dak modern.
Innutajna wkoll li l-verżjonijiet moderni żdiedu mhux ftit bħala kobor. Il-Fiat 500 il-ġdida ma baqgħetx ċkejkna bħall-mudell klassiku, u dan japplika anki għall-Mini. Imbagħad hemm min jgħidlek li r-rikba tal-mudelli l-antiki kienet ħafna aħjar għax tħoss il-magna tgħanni meta tagħfas il-gass u tagħtik iktar pjaċir.
Inti x’tippreferi: il-mudell l-antik jew il-modern? Liema eżattament?
Karozzi: tippreferi l-mudelli klassiċi jew il-verżjoni moderna tagħhom?