Il-vizzju li nixtieq neħles minnu darba għal dejjem

 Il-vizzju li nixtieq neħles minnu darba għal dejjem

Kull wieħed u waħda minna, anki jekk ħaddieħor forsi jqisna perfetti jew kważi, għandna dik ix-xi ħaġa jew dak il-vizzju li nixtiequ neħilsu minnu. Wieħed mill-vizzji l-aktar imferrxin mad-dinja kollha huwa dak tat-tipjip. Kemm minna niftakru meta kienet l-ewwel darba li missejna sigarett ma’ xofftejna, għoġobna, u pejjipnieh? Liema kienet l-okkażjoni eżattament? Illum is-sigarett ħafna minna ma ngħaddux mingħajru għax in-nikotina li hemm fit-tabakk iġġiegħel lil moħħna jarmi d-dopamina li tipproduċi fina sens ta’ pjaċir u tnaqqas l-ansjetà u l-istress. B’sigarett imqabbad nistgħu nikkonċentraw iktar u nżidu l-attenzjoni tagħna, jew nittrattaw aħjar sitwazzjonijiet diffiċli għalina. Bosta jpejpu biex joħolqu ftit ħin ta’ pawsa, oħrajn bħala skuża biex jissoċjalizzaw, jew bħala ‘premju’ għal xi ħaġa importanti li jkunu għamlu matul il-jum.

Hemm min għandu l-vizzju li jiekol difrejh. Għaliex nagħmlu dan? Ġieli niġġieldu kontra dal-vizzju matul il-jum, imma bla ma nafu nqumu nnaqqru difrejna matul il-lejl meta nkunu fi stat ta’ semikuxjenza. Matul il-jum bosta nnaqqru difrejna minħabba li nkunu nħkimna mill-monotonija jew mhux kuntenti b’dak li qed nagħmlu. Drabi oħra nagħmlu dan minħabba li nkunu eċitati, nervużi jew maħkumin minn sens ta’ stennija, u għalhekk b’dan il-vizzju naljenaw rasna għal ftit ħin jew naħarbu minn emozzjonijiet li jistgħu jkunu wisq b’saħħithom għalina.

Kemm-il darba naqbdu lit-tfal inaqqru imneħirhom u ngħidulhom biex jieqfu? Imma kemm minna l-adulti nammettu li anki aħna għandna dan l-istess vizzju xejn sabiħ? Kont taf li probabbilment matul iż-żmien id-dijametru tat-toqob ta’ mneħirna – imnifsejna – espanda apposta biex subgħajna jkun jista’ jidħol bla diffikultà? It-tfal inaqqru mneħirhom għax huma kurjużi u jieklu l-kontenut biex jeħilsu minnu b’mod faċli. Jingħad li dan ma jagħmlilhom l-ebda ħsara. Imma kemm hu differenti meta naqbdu lil xi adult jagħmel dan, forsi f’mumenti bħal meta nkunu qed nistennew li jiċċaqlaq it-traffiku?

‘Vizzji’ oħra huma x-xorb tal-kafè jew tal-alkoħol, ix-xewqa kostanti li nieklu ħlewwiet, u ħafna iktar.

Inti mil-liema vizzju tixtieq teħles?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com