Dak id-dawl f’għajnejja kif dejjaqni! Temmen li hawn ħafna tniġġis tad-dawl?
Id-dawl huwa essenzjali fil-ħajja tagħna, bħalma bosta minna nibżgħu mid-dlam. Kemm minna ngorru hekk kif tmur il-provvista tal-elettriku u kollox jisfa fil-ħemda, u jekk il-ħin ikun filgħaxija jew billejl, kollox jispiċċa fid-dlam!
Hemm waqtiet però meta l-wisq dawl jaf idejjaqna wkoll. Ħafna minna llum bla ma jindunaw qed jgħaddu sigħat twal b’għajnejhom ippuntati lejn dawl qawwi: huma dawk li jaħdmu għall-ħinijiet twal wiċċhom fl-iskrijns tal-kompjuter jew iż-żgħażagħ u anki adulti li l-ħin kollu moħħhom fil-mowbajl. Imbagħad ħallina ngorru bl-uġigħ ta’ ras jew b’għajnejna li qed jaħarquna…
Dwal oħra li kapaċi jirritawna huma d-dwal qawwija tal-karozzi li jkunu ġejjin kontrina waqt is-sewqan. Hemm min jitfa’ d-dawl fuq il-bright u ma jimpurtahx. Illum saret moda wkoll li l-karozzi jwaħħlulhom dawk il-bozoz li jagħtu dawl abjad qawwi li ma tifilħux. Dawl bħal dan kapaċi joħloqlok inċidenti tat-traffiku xejn sbieħ.
Waqt is-sewqan ġieli kapaċi jiġbdulek l-attenzjoni l-iskrijns kbar li jservu bħala billboards fit-toroq ewlenin. Anki dawn ġieli jarmu dawl qawwi u li xi drabi jista’ jaħsdek waqt li tkun qed issuq. Hemm ukoll id-dwal li jarmu l-vetrini tas-showrooms li bosta drabi jinstabu matul it-toroq prinċipali.
Xi ngħidu mbagħad għad-dwal qawwija tassew tal-floodlights tal-istadiums tal-futbol? Ġieli l-ġar ta’ faċċata kapaċi jwaħħallek fil-gallarija jew fuq il-bejt floodlight biex idawwal postu, imma fil-fatt id-dawl ikun ippuntat direttament lejn it-twieqi tiegħek u dan jista’ jirrita tassew lil dak li jkun.
Bla ma nafu dan id-dawl kollu jkun bil-mod il-mod qed jgħajjilna għajnejna. Il-konsegwenzi ta’ dan nistgħu nħossuhom illum stess jew minn hawn u ftit snin oħra.
Hemm ukoll it-tniġġis tad-dawl fl-arja. Tant jeżisti minn dan id-dawl qawwi u artifiċjali li ħafna drabi jekk tħares lejn is-sema filgħaxija jew billejl ma tarax stilla waħda. Hemm min jgħidlek, imma x’jimpurtani mill-istilel; jien billejl nistrieħ u norqod. Ma ninsewx però li d-dawl tal-kwiekeb hu wieħed mill-aspetti sbieħ tan-natura u li kapaċi jserrħuna psikoloġikament wara jum ta’ ħidma u taħbit.
X’taħseb dwar dan kollu? Temmen li hawn ħafna tniġġis tad-dawl?