Dak il-ktieb! Tinsiex tirritornah!

 Dak il-ktieb! Tinsiex tirritornah!

Ktieb li kien ġie misluf minn librerija ta’ skola f’Cumbria, fit-Tramuntana tal-Ingilterra, qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, ġie rritornat lill-istess skola, St Bees, 113 sena wara. Il-ktieb, ġabra tal-poeżiji tal-poeta Ingliż Byron, instab minn raġel f’Carmarthenshire, f’Wales, mela daqs 400 km ’il bogħod mill-iskola ta’ St Bees, imma dan ħass li għandu jirritornah.

Dan il-ktieb mitluf għal iktar minn mitt sena kien issellfu ċertu tifel Leonard Ewbank li kien student ta’ St Bees bejn l-1902 u l-1911. Minkejja li ma kienx jara ħafna, Ewbank inqabad bil-lieva u fl-1915 intbagħat jiġġieled fl-Ewwel Gwerra Dinjija, fejn matulha sefa maqtul b’balla f’rasu fi Frar tal-1916. Illum Ewbank hu midfun f’Ypres, fil-Belġju, f’ċimiterju fejn hemm kważi 2500 suldat midfunin.

Is-surmast ta’ St Bees qal li dan il-ktieb huwa parti mill-istorja ta’ din l-iskola li ilha teżisti mal-430 sena, u li student magħruf tagħha kien Rowan Atkinson, li aħna nafuh bħala Mr Bean.

Din tal-kotba mislufin li jiġu rritornati ħafna snin wara mhix l-unika storja. Ktieb li kien ġie missellef fl-1939 minn librerija f’Ħelsinki, il-Finlandja, ġie rritornat 84 sena wara, eżattament f’Mejju 2024. L-1939 kienet is-sena meta r-Russja invadiet il-Finlandja u l-istudent li ssellef il-ktieb kellu problemi ikbar minn dik li jirritorna l-ktieb. Ktieb ieħor li kien ġie misluf minn minn librerija f’Orkney (Skozja) ħa 47 sena biex reġa’ lura f’postu.

Immaġina liema multa kellhom iħallsu dawk li ssellfu dawn it-tliet kotba kieku kienu għadhom ħajjin u r-regoli kellhom jinżammu skont il-ktieb!

Is-sabiħ ta’ aħbarijiet bħal dawn hu li qed insemmu nies li kienu jħobbu jaqraw u li kienu jissellfu effettivament il-kotba mil-libreriji pubbliċi. Naf li hawn Malta għandna l-entità Malta Libraries li qed taħdem ħafna biex tinxtered l-imħabba għall-ktieb u l-qari, anki permezz tal-bosta libreriji reġjonali mferrxin f’bosta mkejjen f’Malta u Għawdex minn fejn dawk interessati jistgħu jissellfu għal perijodu limitat kotba b’xejn.

Kemm hawn ġenituri li jieħdu lil uliedhom jissellfu kotba minn libreriji bħal dawn? Kemm hawn adulti jużawhom regolarment?

Dak il-ktieb! Tinsiex tirritornah!

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com