Dan iż-żeffien telaq mill-iskola ta’ Amici wara biss ftit jiem!
F’aħbar xokk għat-telespettaturi kollha, il-ġimgħa li għaddiet smajna bl-aħbar li ftit jiem biss mid-dħul tiegħu fl-iskola ta’ Amici, iż-żeffien Gabriele Baio ddeċieda li jitlaq. Dan sar wara konverżazzjoni li kellu mal-għalliema tiegħu Deborah Lettieri.
Waqt l-episodju ta’ nhar il-Ġimgħa, Gabriele talab li jitkellem mal-għalliema tiegħu u qalilha li ma kienx qed iħossu tajjeb u li kien qed jikkunsidra li jabbanduna l-programm televiżiv tant popolari. Minkejja li Deborah ppruvat tikkonvinċih biex jerġa’ jikkunsidra dan, Gabriele kien konvint mid-deċiżjoni tiegħu biex jipproteġi saħħtu: “Għamilt id-deċiżjoni li nitlaq għax qed inħossni ma niflaħx. Għandi l-istonku tiegħi għoqda u ma nixtieqx inħossni hekk aktar,” qal hu.
Wara li mar lura fid-dar fejn l-istudenti jgħixu kollha flimkien, tkellem ma’ ommu fuq it-telefon u kkonferma d-deċiżjoni tiegħu mal-bqija tal-klassi l-ġdida ta’ din l-edizzjoni. Hu talab skuża, speċjalment għax fehem li kien qed jitlaq fi stadju bikri tal-kompetizzjoni. “Tkellimt ma’ ommi u ma nistax inkompli. Skużawni, imma din l-esperjenza hija wisq għalija bħalissa,” qalilhom Gabriele.
Wara l-ħruġ ta’ Gabriele, il-bqija tal-kontestanti ta’ din is-sena ħejjew ruħhom għall-ewwel episodju fejn rajnihom jeżibixxu ruħhom quddiem l-għalliem tagħhom biex jikkonfermaw posthom fl-iskola ta’ Amici.