Daqt magħna l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f’Ta’ Qali. Inti se żżuru?

 Daqt magħna l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f’Ta’ Qali. Inti se żżuru?

Il-Festival tal-Ktieb sar appuntament li bosta jistennew bil-ħerqa kull sena proprju f’dan iż-żmien meta tkun għadha kemm fetħet is-sena skolastika. Dan huwa Festival organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u din is-sena, li taħbat il-45 edizzjoni tiegħu, se jseħħ bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru 2024, bħal dejjem taħt it-tinda tal-MFCC f’Ta’ Qali. Kull sena jattendu għal dan l-avveniment madwar 50,000 persuna u jipparteċipaw mal-40 esebitur. Allura huwa verament festa tal-ktieb fejn kull min għandu għal qalbu l-ktieb ma jistax ma jżurhiex imqar darba.

Is-sabiħ ta’ dan il-Festival hija l-varjetà kbira ta’ attivitajiet. Dawk li jmorru jkunu jistgħu jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ ma’ għadd ta’ kittieba kemm lokali kif ukoll barranin. Fost dawn tal-aħħar se jkun preżenti l-kittieb Brittaniku Anthony Horowitz, magħruf l-aktar għas-serje ta’ Alex Rider u l-istejjer ta’ Sherlock Holmes u James Bond. Kittieb ieħor barrani li se jkun mistieden din is sena huwa Paul Lynch, awtur ta’ ħames rumanzi, bl-iktar wieħed riċenti, Prophet Song, li rebaħ il-Premju Booker 2023.

Matul il-jiem tal-Festival se jkun hemm għadd ta’ sessjonijiet fejn awturi ta’ kotba għat-tfal jaqraw huma stess partijiet minn xogħlijiethom filwaqt li jitkellmu wiċċ imb wiċċ mal-qarrejja tagħhom, taħditiet ta’ kull tip f’rabta mad-dinja tal-ktieb, workshops ta’ natura differenti, stands minn entitajiet u NGOs differenti – fosthom l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, il-Malta Libraries, Inspire Malta, l-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda tal-Malti Università, il-German-Maltese Circle, l-Istituto Italiano di Cultura, l-Ambaxxata Franċiża -, filmati diversi, tnedijiet ta’ kotba u ħafna iktar.

Bosta Maltin imorru ma’ wliedhom sabiex iżuru n-numru kbir ta’ stands imtellgħin minn pubblikaturi differenti u jaraw liema kotba se jixtrulhom kemm bil-Malti imma anki bl-Ingliż, u min jaf forsi b’xi ilsna oħrajn ukoll. Imma anki l-iskejjel jorganizzaw ħarġiet apposta matul dawn il-jiem biex l-istudenti jieħdu idea tajba tad-dinja tal-ktieb.

Suġġeriment utli: it-toroq li jwasslu għall-Festival tal-Ktieb u l-parking viċin m’għandhomx jitħallew fid-dlam bħalma seħħ fis-snin li għaddew. Il-ktieb hu dawl mela ndawlu wkoll it-toroq li jwasslu għalih.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com