Dawn huma l-10 pjanti l-aktar velenużi għall-annimali domestiċi
Jekk għandek annimali domestiċi fid-dar tiegħek, waħda mill-affarijiet li żgur tieħu ħsieb li tagħmel hija li tara li d-dar tkun sikura għalihom. Iżda kont taf li hawn ċerti pjanti komuni li jaf issib fid-dar jew fil-ġonna tagħna li huma perikolużi u saħansitra velenużi għall-annimali domestiċi tagħna? Hawn taħt se nsemmulkom 10 minnhom sabiex mil-lum ‘il quddiem taraw li tneħħuhom mid-djar tagħkom!
1) Rhododendron (Azalea)
Din hija tossika kemm għall-klieb, kif ukoll għall-qtates għax fiha dawk li jgħidulhom grayanotoxins li jwasslu sabiex l-annimali jirremettu, taqbadhom diarrea, letarġija u f’każi severi anke mewt.
2) Il-Palma Sago
Din hija tossika ħafna għall-klieb, partikolarment iż-żerriegħa, għax fiha dik li jgħidulha cycasin. Is-sintomi jinkludu falliment tal-fwied, attakk ta’ puplisija u anke mewt.
3) Tulipani
Il-basla tat-tulipani tista’ wkoll tkun perikoluża u tikkawża remettar, diarrea, u l-iżvilupp eċċessiv ta’ bżieq fl-annimali.
4) Oleander
Din il-pjanta ssibha l-aktar f’ambjenti sħan u minħabba l-glikosidi kardijaċi tista’ tikkawża problemi fil-qalb li jistgħu jkunu fatali.
5) Il-Ġielju tal-Widien (Lily of the Valley)
Minkejja s-sbuħija tagħha, din il-pjanta tista’ tikkawża problemi tal-qalb fl-annimali li jistgħu jwasslu għal puplesija u anke mewt jekk jittieklu.
6) Il-Philodendron
Dawn il-pjanti komuni jikkawżaw irritazzjoni fil-ħalq tal-annimali, remettar u problemi meta jiġu biex jibilgħu.
7) Id-Dieffenbachia
Din il-pjanta tista’ tirrita l-ħalq u tikkawża nfieh.
8) Il-Marijuana
Jekk l-annimali domestiċi jibilgħu l-marijuana din tista’ tikkawża l-letarġija, remettar u anke saħansitra titfagħhom f’koma.
9) Il-Ponsjetta
Minkejja li din mhix fatalment perikoluża, tista’ tikkawża problemi ħfief fl-istonku u anke remettar fl-annimali.
10) Il-Foxglove
Din il-pjanta fiha tossiċi kardijaċi u tista’ tikkawża tħabbit tal-qalb irregolari, attakki epileptiċi u f’każi estremi, mewt.