Għexieren ta’ mużiċisti f’kunċert sabiex jinġabru fondi għal Dr Klown
Għexieren ta’ mużiċisti se jkunu qed jinġabru taħt saqaf wieħed sabiex tittella’ l-20 edizzjoni ta’ Strummin’ bit-titlu ‘20 Years of Gold’. Propju fit-8 u d-9 ta’ Novembru, fl-Awditorju ta’ Sant’ Agatha fir-Rabat, se jkun qed isir dan il-kunċert fenominali organizzat minn Strummin’ Foundation.
Magħruf għat-taħlita vibranti ta’ mużika rock u kanzunetti li jibqgħu magħrufin matul is-snin, il-kunċert jeżibixxi t-talent ta’ aktar minn 80 gitarrist, kantanti ġodda u oħrajn mgħarufa, mużiċisti u diversi voluntiera.
Il-kunċert ilu jsir mill-2002, u maż-żmien sar wieħed mill-aktar avvenimenti mużikali mistennija f’Malta. Dan hekk kif il-kunċert inniffsu jittella’ sabiex apparti li jagħti gost lil dawk kollha li jattendu, jinġabru fondi għal diversi organizzazzjonijiet non-governattivi li qed jagħmlu tant u tant ġid f’pajjiżna.
Matul l-aħħar 20 edizzjoni, kien hemm mal-2,100 persuna li taw il-kontribut tagħhom biex Strummin’ ikompli jikber. Dawk kollha li jattendu se jkunu jistgħu jsegwu kunċert ta’ sagħtejn, jiċċelebra t-talent ta’ dawn il-persuni kollha li qed jipparteċipaw, u jagħtu donazzjoni għall-kunċert ta’ Dr Klown. Din l-organizzazzjoni tħarreġ diversi persuni biex jilbsu ta’ tobba klown u jżuru lit-tfal li hemm għall-kura f’Mater Dei.
Il-fondi li jinġabru se jkunu qed jippermettu lil din l-organizzazzjoni sabiex toħloq kamra ġdida fejn dawn il-voluntiera jkunu jistgħu jitħarrġu sabiex isiru tobba klowns. Dan biex b’hekk ix-xogħol tal-organizzazzjoni jkompli għaddej u jissaħħaħ, filwaqt li jibqgħu jgħinu lit-tfal li qed jirċievu l-kura fl-isptar.
Jekk tixtieq takkwista l-biljetti tiegħek, tista’ tixtrihom minn hawn.