Il-kometa fis-sema u d-dwal tal-Milied fil-vetrini tal-ħwienet
Matul is-sekli d-dehra ta’ kometa fissret bosta affarijiet: f’xi kulturi kienet sinjal li setgħu kienu ġejjin żminijiet diffiċli jew koroh; għal oħrajn kienet tfisser il-miġja ta’ xi ħadd jew xi ħaġa li se jġibu bidla. Li hu żgur hu li minn dejjem id-dehra ta’ kometa nisslet ukoll sens ta’ stagħġib f’dawk li kienu jilmħuha hemm fuq fis-smewwiet lejlija.
F’dawn il-ġranet rajna anki fis-sema tagħna l-passaġġ tal-kometa A3 (Tsuchinshan-ATLAS) li l-astronomi kienu diġà lemħu xi xahar ilu hi u toqrob lejn id-dinja. Avveniment bħal dan hu uniku u min ikollu x-xorti li jara din il-kometa mhux se jerġa’ jilmaħha darb’oħra. Mhux biss, imma l-aħħar abitanti tad-dinja li rawha kienu n-Neanderthals, mela xi 80 elf sena ilu! Għalhekk b’xi mod, din il-kometa qed isservi ta’ pont bejnna l-bnedmin tal-lum u n-Neanderthals li bħalna tant eluf tas-snin ilu ħarsu lejn is-sema u lemħuha. Minjaf x’ħasbu u x’għamlu malli rawha?
Il-miġja tal-Kometa A3 fis-smewwiet tagħna donnha tfakkarna wkoll li ftit tal-ġimgħat oħra l-Insara jiċċelebraw festa importanti ħafna għalihom: il-Milied. Xi darba, daqs elfejn sena ilu, kien hemm dawk li lemħu kometa, imxew warajha u skoprew tarbija li kienet għadha kemm titwieled, tarbija li kienet ilha mistennija għal tant żmien u li bosta kienu jemmnu li se ġġib magħha tibdiliet kbar. U hekk ġara!
Illum id-dawl bati tal-Kometa A3 fis-sema diġà bħal qed jirrifletti ruħu u jissaħħaħ fil-vetrini ta’ xi ħwienet fil-bliet u rħula lokali li ħasbulu ‘minn kmieni’ u ħarġu għall-beraħ is-siġar tal-Milied u dak kollu li jintrabat magħhom, inklużi d-dwal ikkuluriti ta’ kull daqs u għamla li nużaw biex inżejnuhom, imma anki biex nixegħlu t-twieqi, il-gallariji, il-parapetti u d-drive-ins (min għandu) tagħna sabiex niċċelebraw din il-festa li hi tant għal qalbna.
Ta’ min niftakru però li l-Milied ma jiġix biss għall-business u għall-ikliet bejn ħbieb u familjari. Il-Milied hu minnu DAWL, id-dawl li jintrabat mat-TAJJEB, mar-rispett lejn ta’ madwarna, mal-valur tal-altruwiżmu.
Il-Kometa A3 x’se tfisser għalik?