Imma inti xi tkun qed tagħmel waqt il-lezzjoni?

 Imma inti xi tkun qed tagħmel waqt il-lezzjoni?

Fetaħ l-istaġun tal-iskola. Għandna mad-disa’ xhur għaddejjin b’din ir-rutina bejn dar u skola, tkunx skola Primarja, Sekondarja, 6th Form, Università jew istituzzjoni terzjarja oħra. Mill-ġdid, eluf ta’ studenti jkollhom ta’ kuljum iqattgħu sigħat twal bilqiegħda fuq siġġu quddiem bank żgħir jisimgħu, jiktbu u jipparteċipaw waqt diversi lezzjonijiet dwar suġġetti differenti, mhux kollha interessanti, u dan magħluqin bejn erba’ ħitan, il-klassi.

Hawnhekk huwa importanti ħafna r-rwol tal-għalliem. Għandu jifhem li dawk li għandu quddiemu huma bnedmin li għadhom qed jiffurmaw ruħhom, mimlijin entużjażmu u enerġija. Għandu jagħmel minn kollox biex iżommhom interessati u għalhekk imqajmin u kkonċentrati. Hemm għalliema ta’ esperjenza li jafu jibbilanċjaw bejn spjegazzjoni, xogħol fil-klassi u anki xi pawsa qasira permezz ta’ xi ċajta jew skuża biex l-istudenti jistrieħu ftit jew jiċċaqalqu, l-iktar jekk il-lezzjoni ttul iktar minn 40 minuta jew siegħa.

Hemm ukoll għalliema li jżommu ekwilibriju bejn il-ħin li matulu jitkellmu huma u l-ħin meta jħallu lill-istudenti tagħhom iberrħu l-ideat tagħhom. Mela jsir hekk l-istudenti ma jarawx il-ħin għaddej, ikunu iktar ikkonċentrati u mimlijin entużjażmu u l-lezzjoni tispiċċa bi tbissima fuq fomm kulħadd, jew kważi.

Sfortunatament, mhux kull lezzjoni taf tkun daqstant interessanti u mexxejja. Għalhekk tara min jidħollok l-ewwel fil-klassi biex jilħaq il-postijiet ta’ wara biex kif jiddejjaq arah joħroġ il-mowbajl u jintilef fid-dinja tas-siti soċjali jew tax-shopping online. Illum bosta istituzzjonijiet edukattivi jippermettu li l-istudenti jagħmlu użu mil-laptop jew tablet waqt il-lezzjoni, u nammettuha, mhux kulħadd ikun moħħu f’dak li qed jgħidu l-għalliema waqt il-lezzjonijiet tagħhom. Dan rajtu b’għajnejja jsir anki fl-ogħla istituzzjoni edukattiva, fl-Università.

Hemm min iħobb iżomm tradizzjonali u erħilu jew erħilha tħażżeż fuq il-mejda jew fuq il-karta quddiemhom biex jaqtgħu ftit mill-monotonija tal-lezzjoni, jiżvugaw ftit id-diqa li taqbadhom u ma jarawx il-ħin għaddej daqstant bil-mod. Oħrajn kapaċi jintilfu jiċċassaw lejn it-tieqa u moħħhom ikun iktar f’dak li għaddej barra milli waqt il-lezzjoni.

Inti xi tkun qed tagħmel waqt il-lezzjoni?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com