Imma kif tista’ tweġġa?

 Imma kif tista’ tweġġa?

Kemm nagħmlu affarijiet f’ġurnata waħda! Ninħaslu, nitilgħu u ninżlu t-taraġ, naqsmu t-triq, nimxu fuq il-bankini, nippreparaw l-ikel u nsajru fil-kċina, naqtgħu l-laħam u ikel ieħor bi skieken differenti, naħdmu fuq makkinarju differenti fil-fabbriki, nagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni differenti d-dar, nitilgħu u ninżlu slielem, insuqu l-karozza, il-mutur, ir-rota, nipprattikaw sports differenti… U ħafna iktar.

Noqogħdu naħsbu ftit nirrealizzaw kemm ġisimna jagħmel movimenti differenti f’sinkronija ma’ moħħna u l-parti l-kbira tad-drabi kollox imur sew bla ma nirrealizzaw. Hemm però min kif titla’ x-xemx filgħodu jitlob lil Alla biex jipproteġih kontra kull deni matul il-jum, u malli jidħol jistrieħ fis-sodda jirringrazzjah talli jkun għadda jum ieħor b’wiċċ il-ġid.

Imma, kif jgħidu, il-ġarra ġejja u sejra tixxaqqaq u tinkiser. Hemm dawk id-drabi meta bla ma rridu nafu naljenaw rasna u nweġġgħu. Drabi oħra nkunu qed naħsbu f’mitt elf ħaġa waqt li qed nagħmlu ħaġa importanti bħal insuqu u hu hemmhekk meta jista’ jseħħ xi inċident tat-traffiku għax ma nkunux ikkonċentrati f’dak li nkunu qed nagħmlu. Hemm drabi oħrajn meta li nweġġgħu ma jkunx jiddependi minna, imma l-affarijiet kif jiġu u ma jkunux jiddependu minna jwasslu biex inweġġgħu bla ma jkollna tort.

Li tweġġa’ hija xi ħaġa normali tant li ġisimna huwa magħmul biex ifejjaq lilu nnifsu, dejjem jekk il-ġrieħi ma jkunux gravi. Bosta minna meta konna żgħar waqajna meta konna qed niġru: min selaħ irkopptejh, min tbenġel f’xi post jew ieħor, min kiser idu jew siequ, min fetaħ geddumu jew moħħu, min qata’ subgħajh, u ħafna iktar. Hemm feriti żgħar li f’temp ta’ ftit minuti jagħlqu u jfiequ awtomatikament wara ftit jiem. Feriti oħrajn, għalkemm ma jkunux kbar, ikollna mmorru għand it-tabib jew f’xi klinika biex jagħmlulna xi punti ħfief ħalli jagħlqu u jfiequ. Imbagħad hemm feriti oħrajn, li spiss ġarrabniehom anki bħala tfal, li jkunu jeħtieġu l-ġibs biex l-għadam miksur jżomm f’postu u jfieq.

Hemm min weġġa’ hu u miexi fuq il-bankina, oħrajn fuq il-post tax-xogħol.

Inti qatt weġġajt? Fejn u kif?

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com