Int tibda tarah minn filgħodu?
Jekk ikolli nistaqsi hemmx oġġett partikolari li żgur ma tħossukhomx komdi mingħajru, ninsab ċerta li ħafna jwieġbu li hu l-mowbajl. Iservina għal skopijiet differenti u hemm min jużah minn kif jiftaħ għajnejh filgħodu. Kontu tafu iżda li mhux daqshekk ta’ benfiċċju li tibda ttektek fuq il-mowbajl malli tqum?
L-effetti tal-mowbajl fuq il-moħħ
Malli nisbħu, moħħna jgħaddi mill-fażi ta’ rqad fil-fond (deep sleep) għall-fażi ta’ stat ta’ ħolm (daydream state). Dan tal-aħħar joħloq mewġ Alfa. Il-mewġ Alfa jkun attiv malli nkunu mqajma u rrilassati. L-Alfa ma jipproċessawx wisq informazzjoni. Kif naqbdu l-mowbajl f’idejna, moħħna jqabbeż dawn il-fażijiet u jgħaddi mill-ewwel għal dik ta’ twissija. Għaldaqstant, dan jista’ joħloq sens ta’ aljenazzjoni u stress, aktar u aktar meta nqallbu u naraw xi imejl jew xi messaġġ negattiv. Fil-fatt, l-awtriċi Morgenstern tisħaq li bniedem għandu minn tal-anqas iħalli siegħa minn xħin iqum sakemm jara l-emails.
X’għandek tagħmel minflok?
Fil-waqt li nqumu filgħodu, moħħna ikun fl-aktar mument t’armonija matul il-ġurnata kollha. Allura, jkun għaqli li dan il-ħin jintuża tajjeb.
X’tista’ tagħmel biex tibda l-ġurnata aħjar?
- Irranġa dak li hemm madwarek
Qabel torqod kun ċert li l-mowbajl tagħmlu ‘airplane mode’. Għal billejl tista’ tiċċarġja l-mowbajl f’kamra oħra u tuża anke l-alarm klassiku sabiex telimina għal kollox kull tentazzjoni.
- Ippjana affarijiet oħra
Kun ċert li jkollok diġa’ f’moħħok x’ser tagħmel malli tqum. Ara li jkollok affarijiet produttivi ta’ kif tista’ tibda l-jum tiegħek bħal ngħidu aħna: tagħmel xi exercise, tqatta’ xi ħin mal-familja, tisma’ xi ftit mużika, tieħu belgħa te bil-kwiet u tant affarijiet oħra. Il-fatt li bniedem iqum bilmod u juża dan il-ħin biex jimmedita u jieħu naqra nifsijiet fil-fond jista’ jkun ħafna aktar ta’ benefiċċju. Ikun tajjeb ukoll illi waqt li tkun qiegħed tiġi f’tiegħek, tirrepeti lilek innifsek ħsibijiet pożittivi, bħal: ‘Illum ser ikolli ġurnata produttiva’ jew ‘Illum ser nilħaq il-pjanijiet li għandi’. Ipprovaw u taraw kif dan kollu jgħinek tkun aħjar aktar milli taqbad il-mowbajl filgħodu!