Inti u tieħu ħsieb ħaddieħor, tinsiex lilek inniffsek…ara kif!

Huwa faċli li f’perjodi fejn ikun hemm bżonn nieħdu ħsieb lil xi maħbub jew qarib tagħna, nispiċċaw inwaqqfu dak kollu li kien jagħmilna kuntenti biex niddedikaw iż-żmien tagħna lilhom. Ovvjament, huwa importanti li nieħdu ħsieb lil dawk ta’ madwarna, iżda huwa daqstant importanti li aħna u nieħdu ħsieb lil dawk ta’ madwarna, ma ninsewx lilna nfusna.
Hawn taħt, se nsemmulek ftit affarijiet li għandek tara li tagħmel matul dan iż-żmien.
- Itlob l-għajnuna – ħafna drabi naħsbu li kapaċi nagħmlu kollox waħedna. Li titlob l-għajnuna ma jfissirx li m’għandekx il-kapaċitajiet neċessarji. L-għajnuna huwa mezz li bih tnaqqas ftit mill-piż tar-responsabbiltà kbira li waqgħet fuq spallejk.
- Kun organizzat – oħloq lista tal-affarijiet li għandek tagħmel u rutina għall-ġranet tiegħek. Dan jgħinek sabiex iżżomm kemm jista’ jkun dak li għandek tagħmel taħt kontroll mingħajr ma jikkunsmalek ħajtek.
- Tgħallem ħu brejk kuljum – importanti li ssib ftit ħin fejn tieħu nifs u taqta’ ftit mill-istress. Sib ftit ħin għalik inniffsek, kif ukoll biex tqattgħu ma’ sħabek u l-familja tiegħek.
- Taqtax il-passatempi tiegħek, anzi ddedika ħin għalihom – huwa importanti li ma twarrabx dawk l-affarijiet li jagħtuk sens ta’ sodisfazzjon u kuntentizza.
- Kul ikel san u għamel eżerċizzju ta’ spiss – huwa importanti li ma titraskurax is-saħħa tiegħek matul dan iż-żmien.
- Tħarreġ u ibni l-ħiliet tiegħek – forsi attendi għal xi klassijiet jew ħu l-ħin biex tirriċerka u titgħallem kif għandek tieħu ħsieb lill-persuna li hija dipendenti fuqek.