Inti x’tagħżel: karozza petrol/diesel jew karozza elettrika?

 Inti x’tagħżel: karozza petrol/diesel jew karozza elettrika?

Qrajna bid-deċiżjoni tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li karozzi tat-tip ICE (Internal Combustion Engine), mela li jaħdmu bil-petrol jew bid-diesel, mhux se jibqgħu jinbiegħu mill-2035 ’il quddiem. Deċiżjoni bħal din diġà qed naraw ir-riżultati tagħha hawn Malta stess, ladarba l-karozzi tat-tip BEV (Battery Electric Vehicles), mela li jaħdmu bl-elettriku, qed jiżdiedu fit-toroq tagħna iktar kemm jgħaddi ż-żmien.

L-idea hija dik li jitnaqqas il-livell ta’ gassijiet tat-tip dijossidu tal-karbonju (CO2) fl-arja li b’xi mod jew ieħor qed jikkontribwixxu għat-tisħin globali li tant ilna nisimgħu bih f’dawn l-aħħar snin. Imma dwar dan, bħal dejjem, għaddejjin bosta dibattiti. Fost dawn, il-fatt li hu veru li l-karozza li taħdem bil-batterija elettrika ladarba lesta ma tiġġenera l-ebda gassijiet li jagħmlu ħsara lill-atmosfera, imma l-proċess waħdu li jwassal għall-produzzjoni tal-batterija jirrikjedi li jinħarqu ammonti kbar ta’ fuel u dan minħabba t-tħaffir ta’ barrieri u minjieri sabiex jinstabu materjali bħalma huma l-aluminju, ir-ram, il-ħadid, imma anki l-kobalt, in-nikil, il-manganiż, il-grafita u l-litju. Kwistjoni oħra hija dik li diġà hi preżenti llum: il-problema ta’ kif se tiddisponi mill-batteriji użati ladarba dawn ma jibqgħux tajbin.

F’rabta ma’ dan kollu, imma mhux biss, l-oġġezzjoni li l-Italja, bħala pajjiż membru tal-UE, ressqet kontra d-data 2035 bħala s-sena deċiżiva meta ma jibqgħux jiġu prodotti karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel. Waħda mir-raġunijiet li ppreżentat l-Italja hija dik li s-sena 2035 hija wisq viċina u din żgur se tagħmel ħafna ħsara lill-ekonomija mhux biss Taljana imma anki Ewropea, ladarba fuq l-industrija tal-karozzi ICE jiddependu miljuni kbar ta’ ħaddiema.

Apparti dan kollu, bis-saħħa ta’ inċentivi statali, illum f’Malta bosta qed jagħżlu li jixtru karozza elettrika. Minkejja dan però, il-maġġoranza tal-Maltin għadhom qed jixtru karozzi tat-tip ICE, parti kbira minnhom second hand, impurtati minn pajjiżi bħall-Ġappun. Għaliex dan? Forsi għax s’issa xorta waħda l-karozza elettrika mhix xi ħaġa affordabbli mill-ħaddiem medju, minkejja l-inċentivi msemmija? Jew għax bħala mentalità l-Malti għadu jippreferi vetturi tat-tip petrol u diesel?

Inti xi tgħid dwar dan?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com