Is-swat u l-bullying fi żmien tfulitna
Bosta minna jiftakru żmien it-tfulija b’ċerta nostalġija. Kien żmien meta qattajna ħin twil jew id-dar ma’ tal-familja jew inkella l-iskola mal-għalliema u studenti oħrajn bħalna.
Bħala tfal ma konniex qaddisin u ġieli għamilna l-praspar tagħna wkoll. Min jaf kemm-il darba qabbiżnihielhom lill-ġenituri tagħna u arahom jiġru warajna. Kien hemm min saħansitra qala’ xi daqqa ta’ karkura li ra ġejja ttir b’saħħa kbira lejn rasu, jew inkella xi xebgħa ċintorin direttament fuq il-pexxul jew il-koxxa mikxufin. Konna nibku u ngħajtu bl-uġigħ għal xi ħin imma wara kien jgħaddi kollox malajr u ninsew l-istorja fi ftit sigħat biex nerġgħu lura għan-normal. Fl-aħħar mill-aħħar konna nafu li x-xebgħa qlajnieha għax stedinnieha, wara li konna ngħatajna bosta twissijiet u ma obdejniex.
L-iskola mbagħad għad hemm min jiftakar is-sistema meta l-istudenti mqarbin u indixxiplinati kienu jaqilgħu xi daqqa ta’ riga fuq il-pala t’idhom. Oħrajn jiftakru kemm-il ħin qattgħu għarkopptejhom f’xi rokna jħarsu lejn il-ħajt, u dan bħala penitenza għal xi nuqqas ta’ rispett lejn l-għalliem jew għalliema jew għax ma nkunux għamilna x-xogħol għad-dar. Imbagħad kien hemm ukoll dawk il-copies twal u ripetuti li konna naqilgħu, u mhux dejjem it-tort kien ikun tagħna.
Min ma jiftakarx ukoll mumenti meta xi darba jew oħra ġie bbuljat l-iskola minn xi student jew studenta ikbar minnu jew minnha? Il-‘b’saħħtu’ kien jaqbad id iż-‘żgħir’ u ħallih jilwiha sakemm dan tal-aħħar jgħajjat bl-uġigħ. Kien hemm min bla ma taf għaliex jiġi fuqek u jfaqqagħlek daqtejn, hekk biex juri li hu iktar b’saħħtu. Imma nammettuha, ġieli qlajna, u ġieli tajna lura wkoll.
Fil-klassi ġiel konna nsibu lil min iħażżilna apposta fuq il-kotba u l-pitazzi puliti tagħna. Min jaf, forsi xi ħadd kien isib xi għasfur mejjet fil-basket tal-iskola, jew xi ‘ħniżrija’ ta’ tip ieħor. Kien ikun hemm min jisraq jew jieħu sfaċċatament il-lunch ta’ ħaddieħor.
It-tfulija mhix kollha ward u żahar. Kellha wkoll il-waqtiet diffiċli tagħha. Inti kellek episodji bħal dawn li ma tinsiex?