John Lennon u t-Tribù tax-Xemx. Lest tagħmel bħalhom?
Kien fis-sena 1967 meta l-kantant John Lennon xtara gżira bl-isem ta’ Dorinish fi Clew Bay, Westport, fir-Repubblika tal-Irlanda. Il-prezz li ħallas għaliha kien ta’ 1700 sterlina Ingliża. Għalih u għall-familja tiegħu l-gżira kienet post li joffri kwiet u sliem. Wara li Lennon iddivorzja minn martu, Cynthia, il-gżira spiċċat abbandunata sakemm Lennon stess stieden lir-“Re tal-Hippies” Sid Rawle flimkien ma’ Timi Walsh biex iwaqqfu komunità fuq il-gżira fl-1970. Dawn hekk għamlu: grupp ‘alternattiv’ ta’ xi 25 persuna għexu għal kważi sentejn fuq il-gżira Dorinish. Kienu jaħdmu l-art b’għodda tradizzjonali, ikabbru l-ħxejjex tagħhom, u kienu saħansitra jrabbu lit-tfal tagħhom. Id-djar tagħhom kienu l-kampijiet żgħar li ġabu magħhom, u l-ilma kienu jġibuh fi bramel u kontenituri oħra direttament minn xi għejun naturali fuq il-gżira.
Apparti l-ħidma fl-għelieqi, kollox bis-saħħa ta’ dirgħajhom, kienu jgħaddu l-ħin idoqqu l-mużika bl-istrumenti tagħhom, jitkellmu u jiddiskutu, jimxu matul il-gżira, jaraw ix-xemx nieżla u jiskolpixxu xi bċejjeċ ta’ zkuk li l-baħar kien iwassal max-xatt. Bosta minnhom kellhom xagħarhom u d-daqna twila, ipejpu l-ħaxixa, u ma kinux milqugħa tajjeb min-nies tar-reġjun. Tant hu hekk li meta rarament kienu jinżlu bid-dgħajsa biex jixtru xi neċessitajiet, il-ħanut li kien jaqdihom kien jiġi bbojkotjat min-nies tal-post. Xi bdiewa kienu jwasslulhom xi bajd kultant żmien bid-dgħajsa.
Kienet komunità li tħobb il-libertà, b’bosta individwi li ħarbu mill-ħajja mgħaġġla tal-belt li xtaqu jgħixu fil-kwiet, is-solitudni, u l-armonija. Dan l-“esperiment” spiċċa wara xi sena u nofs meta t-tinda fejn kienu jżommu l-ikel kollu ħadet in-nar u allura Dorinish reġgħet sfat abbandunata mill-ġdid.
Wara l-mewt ta’ John Lennon, Yoko Ono bigħet il-gżira għal 30 elf sterlina Ingliża u l-qligħ tatu lil orfanatrofju Irlandiż. Illum il-gżira ta’ Dorinish tintuża biex jirgħu fuqha n-nagħaġ u l-baqar u xi drabi jżuruha l-fans tal-Beatles.
Kemm minnha neqirdu li l-ħajja mgħaġġla tal-belt għejjietna? Kemm neqirdu bit-traffiku, l-arja mniġġsa u l-istorbju kullimkien? Kemm minna lesti però li jħallu kollox u jgħixu ħajja ‘primittiva’ bħat-Tribù tax-Xemx?