Kif togħġbok il-belt Valletta: belt il-fatati jew belt mimlija attivitajiet?
Hemm min jiftakar il-Belt Valletta bħala post minsi mid-dinja wara li kienet iddoqq siegħa partikolari filgħaxija. Hekk kif kien ikun qed jidlam il-Belt kienet tibda tiżvojta min-nies li kienu jżuruha matul il-jum u bil-mod il-mod tinbidel f’imkien donnu abbandunat, b’bosta jiddeskrivuh bħala post fejn tista’ toqtol u tidfen.
Il-kuntrast bejn il-ġurnata u l-filgħaxijiet kien ikun goff tassew. Filgħodu l-Belt kienet tkun mimlija bin-nies li jidħlu jixtru mill-bosta ħwienet ibigħu ħwejjeġ u tant affarijiet differenti jew mis-suq li kien jarma fi Triq il-Merkanti. Bosta kienu mbagħad jieqfu jieħdu kafè, te u xi qassata jew pastizz mill-ħafna ħwienet li kellna, u dan għal ftit ċenteżmi. Imma filgħaxija, kulħadd kien jinġabar lura d-dar u l-Belt taqa’ bħal ħemda kbira: kulma kont tisma’ kienu l-passi jirbumbjaw ta’ xi resident dieħel lura d-dar wara jum ta’ ħidma jew xi karozza solitarja għaddejja minn xi triq sekondarja.
Illum is-sitwazzjoni hija differenti ħafna. Bosta jsostnu li l-ħwienet li fl-imgħoddi kienu jbigħu ħwejjeġ differenti għalqu u minflok qed jaħkmu ħwienet tal-kafè b’sidien barranin. Il-vantaġġ hu li llum m’hemmx biss l-għażla tal-pastizzi u l-qassatat, imma nistgħu nieħdu anki xi croissant jew xi kannol Sqalli, fost għażla usa’. Ħalliha li l-prezzijiet għolew mhux ftit! Il-Valletta filgħodu llum taraha wkoll mifqugħa b’nies minn kull parti tad-dinja.
Il-bidla taraha b’għajnejk u tismagħha b’widnejk anki matul il-filgħaxijiet fejn il-ħemda tal-imgħoddi ntesiet u minflok it-toroq saru jirbumbjaw bl-ilħna ta’ dawk li jiffrekwentaw il-bosta ristoranti u ħwienet tal-kafè li jibqgħu miftuħin sa ħafna wara li jidlam. Dan biex ma nsemmux il-mużika, u t-toroq ewlenin u anki sekondarji mifqugħin bl-imwejjed u s-siġġijiet u d-dwal li janimaw il-belt kapitali tagħna.
Però mhux kollox ward u żahar. Staqsi lir-residenti Beltin. Għalkemm hemm min jgħidlek li jiġri x’jiġri hawn Malta dejjem se ssib lil min igorr u jikkritika. Illum il-belt Valletta ma baqgħetx belt il-fatati matul l-għaxijiet, imma min-naħa l-oħra inbidlet f’Paceville oħra.
Wieħed jistaqsi: business jew rispett lejn ir-residenti? Inti x’taħseb?