Kont taf li tista’ tagħmel din l-attività mat-tfal tiegħek f’Għawdex?

 Kont taf li tista’ tagħmel din l-attività mat-tfal tiegħek f’Għawdex?

Sabiex tradizzjonijiet sbieħ u xogħol tal-idejn ma jmutux maż-żmien, irridu naraw li lit-tfal tagħna noffrulhom l-opportunità li jitgħallmuhom. Allura, fiż-żjara li jmiss tiegħek f’Għawdex, wara li tiekol xi żewġ pastizzi mill-pjazza tar-Rabat u qabel ma terħilha lejn Marsalforn jew ix-Xlendi għal xi platt ħut frisk, għandek tgħaddi sa Triq il-Palma, ir-Rabat Għawdex.

F’din it-triq, se ssibu lil Alda, ta’ Gozo Weaving and Creations, li għall-aħħar 50 sena ilha taħdem diversi oġġetti magħmulin bis-suf u t-tajjar, u permezz ta’ tekniki differenti bħal insiġ, għazil u makrame. Bdiet propju minn meta kellha ħames snin u dak li tgħallmet ta’ ċkejkna baqa’ passjoni tagħha matul ħajjitha.

Fil-ħanut tagħha, Alda toffri lezzjonijiet qosra li jippermettu kemm lit-tfal, kif ukoll lill-adulti, jagħmlu xi ħaġa b’idejhom bħal xi keychain, bookmark u affarijiet oħrajn. Kull min jagħmel din il-lezzjoni, jirnexxielu jagħmel oġġett li jieħu miegħu id-dar, f’mhux aktar minn sagħtejn!

Sabiex ma tiġix diżappuntant, huwa importanti li tibbukkja postok minn qabel. Intant, tista’ wkoll tħalli lit-tfal għand Alda għal din il-lezzjoni u fl-istess ħin inti dduru dawra r-Rabat għall-affari tiegħek, u tirrilassa waqt li t-tfal jitgħallmu xi ħaġa kreattiva.

Allura x’qed tistenna? Id-darba li jmiss li titla’ Għawdex, ara li tieqaf waqfa għand Gozo Weaving and Creations, tgħallem xi ħaġa ġdida u esplora l-kreattività unika tiegħek, flimkien mat-tfal tiegħek!

 

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com