Nitolbok, tgħaffiġnix u ngħidlek 6 fatti dwari!
Min jaf kemm-il darba inkunu għaddejjin minn qalb trejqiet fil-kampanja u naraw mal-art xi qanfud li jkun spiċċa mgħaffeġ għaliex ikun intlaqat minn xi karozza. Ser naraw xi ftit kurżitajiet dwar il-qanfud li forsi ħadna minnha ma jafuhomx.
- Ħlejqa soċjevoli u popolari
Madwar l-Ewropa, l-Afrika u anke l-Asja jeżistu madwar 17-il speċi ta’ qanfud. Normalment, il-qanfud iħobb joqgħod l-aktar qalb il-kampanja pero’ huwa kapaċi wkoll ikampa f’ambjenti urbani. Sakemm qanfud iħoss li għandu aċċess għall-ikel u jkollu fejn jistkenn, huwa jaf jgħix anke ma’ qniefed oħra.
- Ma jaqbilx miegħu il-ħalib
Hemm ħafna li jaħsbu li l-qniefed ifittxu l-ħalib. Il-verità hija li huma allerġiċi għalih.
- Karnivoru
Id-dieta ta’ qanfud hija varjata. Normalment, qanfud iħobb jiekol: dud, wirdien, insetti żgħar imma jaf jiekol ukoll żrinġijiet, sriep u anke bajd tal-għasafar.
- Ibati mid-dawl
Is-sens ta’ viżjoni tal-qanfud hija kemmxejn batuta. Mill-banda l-oħra s-sens tax-xamm u tas-smigħ tiegħu huma tajbin ħafna.
- Ħafif
Qanfud kapaċi jiġri ħafna. Huwa għandu l-abbiltà li anke jwassal sa 9.5kilometru s-siegħa.
- Jiżen daqs pineapple
Normalment, qanfud huwa twil madwar 25 ċentimetru u jista’ jiżen sa 1.2 kg. Ix-xewk tiegħu huwa twil madwar 3 ċentimetri u għandu madwar 6,000 xewka. Huwa għandu wkoll denb qasir.
Sfortunatament in-numru tal-qniefed qiegħed dejjem jonqos għaliex ħafna drabi jiġu maqtula involontarjament. Għaldaqstant għandna nkunu ġentili biżżejjed biex hekk kif inkunu qed insuqu noqogħdu attenti u nissalvagwardjawlu ħajtu!