Oġġetti u ħwejjeġ oħra li ma ninsa qatt fid-dar tan-nanna

 Oġġetti u ħwejjeġ oħra li ma ninsa qatt fid-dar tan-nanna

Kemm minna li għandna ċerta età għaddew żmien twil jgħixu fid-djar tan-nanniet? Kienu dawk il-persuni li ngħidu x’ngħidu dejjem ituna raġun, u dak kollu li konna rridu – jew kważi – kienu jagħtuhulna. Anki jekk il-ġenituri, speċjalment ommijietna, kienu kontra dan kollu. Konna ngħaddu sigħat twal għand in-nanniet tagħna mhux biss għax il-ġenituri riedu jmorru x-xogħol, imma anki biex jistrieħu ftit minna u l-istorbju li konna noħolqu fid-dar bejn l-aħwa.

Issa, kulħadd jaf li d-dar tan-nanna taf tkun spazju affaxxinanti, kważi kważi maġiku. Huwa spazju mimli b’affarijiet li għandhom ismijiet differenti minn dawk li nafu llum, imma anki oġġetti li jintrabtu ma’ imgħoddi li ma għexniex fih. Hekk jiġini f’moħħi t-tallboy li kien bħal gwardarobba b’żewġ bibien u b’kexxun jew tnejn in-naħa t’isfel. Dan kont issibu mhux fil-kamra tas-sodda ewlenija imma f’dik sekondarja fejn kien ikun hemm żewġ sodod tal-wieħed, waħda fuq kull naħa.

Fl-istess kamra kont issib xi inkwatru niċċa jixgħel bil-bozza fuq wara, b’wiċċ Kristu jew il-Madonna biex dejjem iħarsu lill-familja. Fit-tallboy kont issib il-ħwejjeġ antiki tan-nanna li wisq probabbli kienet tilbes meta kienet iżgħar u toħroġ il-ħarġa tagħha l-Belt Valletta li kienet il-Paceville tal-lum. Kif tiftaħ it-tallboy kienet toħroġ jew riħa ta’ boċċi tal-kamla jew inkella riħa tfuħ ta’ sapun.

Oġġett ieħor, din id-darba isfel, kienet il-magna tal-ħjata, bosta drabi tad-ditta Singer. Liema nanna ma kellhiex din il-magna?! Niftakarha tħaddimha, b’sieq waħda fuq il-pedala u b’idejha tiggwida l-biċċa drapp taħt il-labra li minnha kienet tgħaddi l-ħajta ta’ liema kulur xtaqet u “tik tik tik” is-Singer bir-ritmu tagħha kienet tgħaqqad flimkien pezza ma’ oħra.

Min ma jiftakarx is-sideboard tal-injam mastizz bil-mera twila u orizzontali fil-kamra tal-pranzu, jew il-cupboard fil-kċina bl-erba’ bibien fil-ġnub (għat-te u kafè, għaġin u laned tal-priserv), tnejn fin-nofs u xi kxaxen fejn kienu jqiegħdu l-posati u s-srievet? U l-breadbin, l-ispiritieri tal-pitrolju, u l-borom kbar fejn kienu jgħallu l-bjankerija?

X’oġġetti baqgħu f’moħħok meta taħseb fid-dar tan-nanna?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com