Opportunità Brillanti Għal Dawk ‘il Fuq minn 60 Sena – iSchool Grannies!
“Persuni ‘l fuq minn 60 sena issa għandhom l-opportunità li jkunu qrib it-tfal fil-komunità, u kuljum, it-tfal se jsibu lil xi ħadd biex isellmilhom, jitkellmu magħhom, u jakkumpanjawhom lil hinn mill-bibien tal-iskola.” – Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina.
iSchool Grannies – Din l-inizjattiva ġiet estiża għal ħames lokalitajiet oħra – Mellieħa, Żurrieq, Żebbuġ, Nadur u l-Qala. Dawn issa se jingħaqdu ma’ Bormla, Xewkija u Kalkara, li diġà qegħdin jipparticipaw f’dan il-proġett kbir, grazzi għal ftehim ġdid bejn il-Kunsilli Lokali tagħhom u l-AACC (Active Ageing and Community Care).
Dan il-proġett brillanti għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà, filwaqt li jgħin lit-tfal fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex. Bħala School Grannies, in-nanniet mhux biss jitkellmu mat-tfal meta jidħlu jew joħorġu mill-iskola, imma wkoll jagħtu s-sens ta’ sigurtà u appoġġ fil-komunità.
Il-Parlamentari Segretarju għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, qal li l-proġett qed juri kemm l-anzjani għadhom kapaċi jagħtu kontribut siewi lill-komunitajiet tagħhom. U mhux hekk biss, imma qed joħolqu kollaborazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, fejn it-tfal u l-anzjani jistgħu jaqsmu ħbiberija u għerf!
“B’dan il-proġett qed naraw li l-età m’għandhiex tkun limitazzjoni għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà,” qal Agius Galea, li wkoll faħħar il-fatt li aktar anzjani qed iħossuhom apprezzati u integrati.
Alison Zerafa Civelli, il-Parlamentari Segretarju għall-Gvern Lokali, esprimiet il-ferħ tagħha għall-ftehim, u enfasizzat l-importanza tal-Kunsilli Lokali f’dan il-proċess. Hija ħeġġet aktar lokalitajiet biex jidħlu f’dan il-proġett u kompliet tgħid kemm hu mportanti li l-Kunsilli joffru aktar servizzi bħal dawn għall-ġid tal-komunitajiet.
S’issa, hemm 17-il anzjan li qed jipparteċipaw fil-proġett, u qegħdin jgħinu lil aktar minn 2,000 student. Dan mhux biss qed joħloq rabtiet ġodda, imma qed joħloq sigurtà għal dawn it-tfal u jagħti valur lill-komunità kollha. Nistgħu ngħidu li n-nanniet qatt ma kienu daqshekk cool!
Titħajjar?
Ċempel il-Kunsill Lokali tiegħek u uri l-interess biex tkun parti minn din l-inizzjattiva!
Kreditu: Gvern Lokali