PLAYCON jibda llum! Avveniment eċitanti tal-esports u l-video gaming
Propju llum, fl-MFCC Ta’ Qali qed jiftaħ għall-ewwel jum tiegħu PLAYCON, l-akbar avveniment f’Malta tal-esports u l-videogaming.
Bi spazju mifrux fuq 7,500 metru kwadru, wieħed għandu jsib esibizzjonijiet interattivi u edukattivi għal kulħadd. Fl-avveniment se jkun hemm 60 esibitur, inklużi imsieħba ewlenin tal-industrija fl-iżvilupp tal-logħob diġitali u l-esports fosthom tmien pubblikaturi internazzjonali, b’ismijiet bħal Ubisoft u Kwalee.
Illum, l-avveniment huwa miftuħ għal dawk li għandhom il-biljett sabiex jattendu l-B2B Summit, kif ukoll se jkunu qed jattendu għalih diversi studenti minn skejjel differenti għal żjarat edukattivi.
Madanakollu, matul il-weekend, l-avveniment se jkun miftuħ għall-pubbliku, mingħajr bżonn ta’ ħlas! Dawk li ser jattendu ser ikollom iċ-ċans li jippruvaw b’xejn għexerien tal-logħob ġodda u oħrajn ta’ fama internazzjonali, bi program vast.
L-avveniment se jinkludi wkoll kompetizzjonijiet f’logħob popolari bħal Tekken 8, Rocket League, League of Legends, Counter-Strike 2, EA FC 25, Super Smash Bros., u Pokémon VGC.
Se tkun qed tirritorna għal sena oħra l-kompetizzjoni tal-Cosplay is-Sibt wara nofsinhar, b’għexieren ta’ dilettanti diġà rreġistrati biex juru l-kostumi uniċi tagħhom u jikkompetu għall-premju ewlieni ta’ €1,000.
PLAYCON se tkun miftuħa b’xejn għall-pubbliku ġenerali nhar is-Sibt 26 u l-Ħadd 27 ta’ Ottubru, mill-10.30am sas-7pm fl-MFCC, Ta’ Qali.
PLAYCON qed tiġi organizzata għal sena oħra minn GMR, bl-appoġġ minn GamingMalta u l-Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej, u Proġetti Strateġiċi.
Għal aktar dettalji, żur www.playcon.mt.