Sexting u nudità waqt it-titjira!
Xi jiem ilu seħħ inċident mhux tas-soltu fuq titjira ta’ Qantas minn Sydney għal Tokjo , li ddum mal-għaxar sigħat. Uħud daħqu imma kienet sitwazzjoni skomda għal oħrajn.
F’titjiriet simili, kull passiġġier jista’ jagħżel film li jrid fuq l-iscreens ta’ quddiemu. Dakinhar ma setgħux jagħżlu minħabba problema teknika u l-kru kellhom firxa limitata ta’ films biex juru lil kulħadd. Fuq rakkomandazzjoni ta’ xi wħud, tellgħu l-film Daddio tal-2023, b’rating ta’ R minħabba kliem ħażin, kontenut sesswali u nudità.
Il-film fih xeni b’sexting li deher fuq l-iscreens, li seta’ jarahom anki min ma kellux headphones biex jisma’ l-film. Tistgħu taħsbu kif baqgħu l-passiġġieri, l-iktar dawk li jiskruplaw u l-familji bit-tfal abbord! Apparentament, min ma riedx isegwi l-film ma setax jitfi l-iscreen minħabba l-problema.
Din il-farsa tawlet kważi siegħa sakemm il-kru waqqaf il-film u għamel ieħor iktar adattat għat-tfal.
Kellem għal Qantas ħareġ apoloġija lill-passiġġieri, l-iktar dawk li lmentaw u ammetta li l-film ma kienx jixraq f’dik iċ-ċirkustanza.