The Mercury Christmas Dome: Probabbilment l-aktar avveniment ‘cool’ dan il-Milied f’Malta!

 The Mercury Christmas Dome: Probabbilment l-aktar avveniment ‘cool’ dan il-Milied f’Malta!

Dan il-Milied, propju fil-pjazza ta’ Mercury Towers se tkunu tistgħu taċċessaw post meraviljuż u uniku għal Milied maġiku.

The Mercury Christmas Dome hija struttura li ser tiġi minn barra minn Malta u fiha dijametru ta’ 25 metru u għoli ta’ 12.5 metru. Is-saqaf tagħha huwa kompletament imżejjen bi projezzjoni panoramika ta’ 360 grad. Din normalment tintuża għal attivitajiet mużikali, imma hawn Malta ser tkun qed tintuża bħala post għal żewġ attivitajiet tal-Milied għall-familja kollha.

L-ewwel attività ġġib l-isem ta’ The Bigfoot Christmas Tale u qed tittella’ mid-duo komiku Daniel Chircop u Chrysander Agius, magħrufin bħala d-Danusan u diversi atturi oħra. L-istorja ser tkun ibbażata fuq ir-renju tal-annimali, u se jkunu akkumpanjati mit-Tikka Banda li se jagħmlu l-parti tal-annimali f’dan ir-renju, bil-mezz tal-komunikazzjoni tkun il-mużika. Apparti minn hekk, se tkun qed tintuża sistema interessanti ħafna fejn, permezz tal-mowbajl jew tablet, l-udjenza ser tgħin u tiddeċiedi l-mod kif tiżvolġi l-istorja. B’hekk kull serata ser tkun verament unika!

Ix-xow hija ideali għall-familja kollha, iżda din mhux se tkun esperjenza bħall-oħrajn! Ix-xows se jkunu qed jibdew fis-7 ta’ Diċembru, u kull xow individwali se jkun limitat għal 340 ruħ. U jekk qed tinkwieta dwar il-parkeġġ, dawk kollha li se jattendu jistgħu jipparkjaw b’xejn.

Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jakkwistaw tliet tipi ta’ biljetti, li jinkludu wkoll diversi rigali. Ma’ kull biljett għat-tfal ser jingħataw biljetti b’xejn għal attività oħra li ser issir f’The Mercury Christmas Dome stess – Santa’s Little Astronauts!

Santa’s Little Astronauts, se toffri opportunità unika fejn it-tfal jesperjenzaw il-maġija li jsiru astronawti ta’ Santa Klaws. It-tfal se jkunu jistgħu jaqbżu qabża fl-orbital UV ball-pitt, jittestjaw il-ħiliet tagħhom permezz ta’ quiz, u jaraw jirnexxielhomx jagħmlu l-korsa tal-ostakli kollha! Wara li jieħdu ritratt ma’ Santa Klaws, huma ser jingħataw liċenzja uffiċjali bħala l-astronawti ta’ Santa Klaws.

Apparti minn dan kollu, ser ikun hemm ukoll ħafna ikel, xorb, logħob għat-tfal, kif ukoll Posta fejn it-tfal jistgħu jiktbu l-ittra tagħhom lil Santa fuq forma ta’ stilla u jpoġġuha f’rocket li qabel il-Milied ser tmur direttament in-North Pole!

Gawdu s-sbuħija ta’ Mercury Towers, idħlu fl-ispirtu tal-Milied u attendu għal dak li probabbilment se jkun l-aktar avveniment cool f’Malta għal dan il-Milied! Għal aktar informazzjoni u biljetti, żuru http://www.mercurydome.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com