Tiekol Gambli? U Wirdien Le?!

 Tiekol Gambli? U Wirdien Le?!

Arnold Sciberras, konsulent dwar il-kontroll tal-insetti, pesti u sid tal-akbar razzett tal-insetti f’Malta, jiddiskuti dwar kif se nħarsu lejn l-ikel fil-futur. Waqt intervista fuq il-programm “TVAM”, Arnold semma kif qed tikber id-domanda għall-insetti bħala ikel għall-annimali domestiċi. Saħansirta, dawn l-insetti ser isibu ruħhom fuq il-platt tagħna wkoll!

Arnold jisħaq li il-wirdiena u l-grillu jistgħu jkunu ikel b’saħħtu u sostenibbli għall-bniedem. Madankollu, biex dan iseħħ, jeħtieġ proċess rigoruż biex jinkiseb il-‘go ahead’ fuq livell Ewropew. F’Malta, diġà qed jinbiegħ dqiq magħmul mill-grillu, iżda fl-Ewropa hemm disa’ tipi ta’ insetti li jistgħu jiġu kkunsmati, fosthom anke l-wirdien!

Li tkun ftit skomdu bl-idea li tiekol insetti hija naturali. Iżda Arnold jiċċara li dawn l-insetti ma jiġux miġbura mill-barra, imma jitrabbew f’ambjenti kkontrollati. Għalhekk, jgħid, ma jifhimx kif in-nies ikunu lesti jieklu l-ikel tal-baħar bħal gambli, li huwa ‘insett tal-baħar’– li hu t-tieni l-aktar annimal intelliġenti wara d-delfin!

Interessanti wkoll hu dak li qal Matheus Grasso, kowċ tal-eżerċizzju u xjentist. Huwa saħaq li ħafna insetti fihom vitamini, minerali u proteini li joffru għadd ta’ benefiċċji għas-saħħa. Dan jikkonferma li insetti jistgħu jkunu ikel aktar tajjeb u nutrittiv milli naħsbu.

Arnold ma jibqax lura milli jsemmi l-aspetti etiċi ta’ dan kollu. Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina, tkellmet ukoll fuq kif, etikalment, jekk l-umanità ma tiddependix fuq l-annimali biex tgħix, għandu jkollna r-responsabbiltà li nħarsu l-benessri tagħhom. Tiddeskrivi kif ħafna veġetarjani u vegani jgħixu ħajja b’saħħitha, u dan juri li probabbilment ma nikluhomx għall-ħtieġa tal-għixien, imma aktar għat-togħma.

Arnold, bil-messaġġ tiegħu, qed jipproponi mod sostenibbli ta’ kif nipproduċu l-ikel. Għallinqas, huwa jassigura li kaxxa waħda ta’ insetti tista’ tipproduċi sa tliet kilo laħam. Ma nafux x’se jiġri fil-futur, imma forsi l-idea ta’ platt wirdien mhux daqshekk disgustanti daqs kemm taħseb!

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com