Toqba enormi li ħalliet meteorita tinbidel f’teatru enormi
Fl-Isvezja daqs 360 elf sena ilu waqgħet meteorita f’post jismu Dalarna. L-impatt ħoloq bosta strati ta’ ġebel tal-franka tajjeb għall-kostruzzjoni u bil-mod il-mod inħolqot barriera enormi. L-attività fil-barriera waqfet fl-1990, imma ħames snin wara l-post inbidel f’xenarju kulturali mill-isbaħ.
Illum dan it-teatru li jinsab bosta metri ’l isfel jismu Dalhalla. Għandu mal-4000 post fejn ipoġġu n-nies li waqt li jħarsu lejn sema mixgħul bil-kwiekeb jistgħu jgawdu l-mużika li bħal tismagħha ġejja minn kull direzzjoni propju minħabba l-ħitan għoljin ta’ dan it-teatru partikolari. Kull sajf dan it-teatru-barriera jospita bejn l-20 u t-30 spettaklu fejn tindaqq mużika rock, jazz u popolari.
F’pajjiżi oħra matul is-snin portijiet abbandunati nbidlu f’żoni turistiċi mill-isbaħ. Xi ħaġa simili rajnieha sseħħ fil-Waterfronts tal-Belt Valletta imma anki lejn in-naħat tal-Birgu u l-Isla. Hemm ukoll l-idea li xi darba jew oħra ż-żona fejn fl-imgħoddi kien hemm il-power station l-antika fil-Marsa tiġi riġenerata u b’hekk tingħata spinta ekonomika lill-post inkwistjoni.
Hawn Malta diġà saru proġetti simili. Lejn is-Siggiewi barriera minn fejn għal tant snin kienet tinqata’ l-ġebla tal-franka ġiet mibdula f’mużew tas-sengħa tal-bennej u tal-ġebla tal-franka. Fih wieħed isib il-makkinarju, l-għodda u l-mezzi tat-trasport li missirijietna kienu jużaw biex jaqtgħu u jġorru l-knaten tal-ġebla tal-franka. Abbinat ma’ dan il-mużew hemm ristorant li jservi ikel tipiku Malti filwaqt li matul il-lejliet, l-aktar dawk sajfin, wieħed ikun jista’ jgawdi wkoll il-kant u ż-żfin ta’ gruppi folk Maltin. Hu post iffrekwentat ħafna minn Maltin, emigranti Maltin li jżuru lil Malta għal ftit ġimgħat, u turisti.
Nafu wkoll b’barrieri oħrajn, bħal waħda lejn l-Imġarr, li bil-mod il-mod minn post fejn kien jintrema l-materjal tal-kostruzzjoni nbidlet f’għolja mimlija siġar u pannelli solari. Lejn iż-Żurrieq post li sa ftit ilu kien miżbla nbidel f’park naturali mill-isbaħ fejn il-Maltin jistgħu jagħmlu passiġġata għall-arja nadifa filwaqt li jgawdu l-veduta msaħħra tal-baħar.
Proġetti bħal dawn huma investiment solidu u turija ta’ rispett lejn il-poplu.
F’Malta hawn lok fejn isiru aktar inizjattivi bħal dawn?