Waqtiet sbieħ li għaddejna minnhom fi żmien l-iskola
Is-sistema edukattiva lokali tobbligana li nattendu l-iskola sa meta nagħlqu s-16-il sena. Hemm min matulhom dawn is-snin jibda u jispiċċa ġo skola waħda, oħrajn min jaf kemm ibiddlu skejjel minn sena għal oħra.
Hemm min kellu l-furtuna jew sfurtuna li jattendi kull tip ta’ skola, kemm tal-Knisja kif ukoll tal-Gvern. Xi wħud mill-iskejjel li ffrekwentajna kienu viċin fejn noqogħdu u allura konna mmorru għalihom u niġu lura d-dar bil-mixi. Drabi oħra l-iskejjel li ffrekwentajna kienu ’l bogħod u allura kien ikollna naqbdu tal-linja jew il-kowċ li kienet b’xejn għal min imur l-iskola tal-istat.
Kull skola bħal għandha l-identità tagħha li hija ffurmata kemm mit-tip ta’ għalliema u staff li jkollha – imma anki mit-tip ta’ ethos jew sistema ta’ tagħlim – apparti l-ambjent fiżiku tagħha.
Fost il-waqtiet sbieħ li niftakar kien hemm dak il-ħin li jiena u sħabi tal-post fejn konna ngħixu konna nqattgħu flimkien aħna u nistennew il-kowċ tgħaddi għalina. Kien iż-żmien tal-cartoons u l-films kollha bit-Taljan u xi wħud minna konna tgħallimna l-kanzunetti tagħhom bl-amment, kollox bit-Taljan.
Mumenti sbieħ oħra kienu waqt il-breaks. Min ma jiftakarx il-waqt meta kienu jagħtuna l-ħalib. Konna nkunu f’kompetizzjoni bejnietna min iġib l-ikbar tazza ħalli jixrob l-iktar ħalib taċ-ċikkulata, tal-banana jew lewn roża.
U mbagħad, dejjem waqt il-break it-twil konna nivvintaw minn kollox: futbol, rounders, logħob bil-karti, fosthom tat-Top Trumps. Kemm għaddejna żmien nilagħbu bihom! L-iskola ġieli kienet torganizza il-Water Sports Day, mela kulħadd kien jiġi b’xi water pistol jew flixkun vojt tal-plastik imdaqqas b’toqba fit-tapp u mimli ilma biex fil-break ħallina nagħmlu “gwerra” u nxarrbu lil kull min jiġi quddiemna.
Logħob ieħor kien il-ħarba u l-ħanżira, fejn kważi kulħadd kellu l-laqam tiegħu, u konna ġieli naqilgħu u ġieli nagħtu xi daqqa jew gambetta, imma konna ninsew ftit wara u nerġgħu nsiru ħbieb.
Kien hemm ukoll is-cinema club fejn fil-breaks konna naraw xi film adattat għalina, drabi oħra konna nittrenjaw għal xi kompetizzjoni sportiva.
Liema waqtiet sbieħ tiftakar ta’ meta kont l-iskola?