Wara karriera ta’ suċċessi, se jirtira!
Kepxin: Strada Rjali jsellem lil Rafa Nadal, li ħabbar li se jirtira x-xahar id-dieħel. F’dan l-artiklu nitkellmu fil-qosor fuqu.
Kien ilu jgħaddi botti, imma fl-aħħar qatagħha bla kantunieri.
Iċ-champion tat-tennis Rafael Nadal, ta’ 38 sena, ħabbar li x-xahar id-dieħel, fi tmiem il-logħob tad-Davis Cup, se jirtira. Huwa tella’ filmat fuq il-midja soċjali tiegħu biex ixandar din l-aħbar. Għażel din il-kompetizzjoni għax, kif stqarr hu stess, id-Davis Cup tal-2004, f’Sivilja, tatu l-ewwel ferħa fil-karriera.
Fl-2023 ftit li xejn lagħab minħabba li weġġa’ ġenbu u kompla jilgħab f’Diċembru li għadda. Ftit ilu reġa’ weġġa’ u ma lagħabx fl-Australian Open. Ma riedx jilgħab fuq il-ħaxix u għalhekk qabeż anki Wimbeldon. Dan l-aħħar lagħab fil-French Open u fl-Olimpjadi ta’ Franza.
Nadal kellu karriera miżgħuda rebħ minn mindu beda jilgħab professjonalment fl-2001. Rebaħ l-ewwel ATP fl-2003 u sena wara d-Davis Cup. L-ewwel rebħa fi Grand Slam kisibha fl-2005 u rebaħ 22 kompetizzjoni. Għal darbtejn rebaħ l-erba’ Grand Slams waħdu, xi ħaġa li rnexxielhom jagħmluha biss tliet tennisti oħrajn. Tant kemm ibbrilla fuq il-courts tat-tafal li ġarr erbatax-il titlu tar-Roland Garros; rekord assolut.
Nadal se jilgħab kontra l-Olanda fid-19 ta’ Novembru f’Malaga, Spanja, fil-kwarti tal-finali tad-Davis Cup.
Minn qalbna nawguraw lil Rafa Nadal l-isbaħ xewqat għall-ġejjieni.