Xita fid-deżert tas-Saħara. Kemm tħobbu l-istaġun tax-xita?
F’nofs Ottubru 2024 ġie rreġistrat li għamel ammont kbir ta’ xita fid-deżert tas-Saħara, eżattament lejn in-naħat tax-xlokk tal-Marokk. Dan seħħ f’postijiet fejn f’sena jinżlu biss ftit ċentimetri ta’ xita, imma din id-darba f’jumejn niżel dulluvju ta’ ilma li ħoloq għadajjar kbar fost il-wesgħat bla tarf tar-ramel f’dan id-deżert li ma jinstabx daqshekk ’il bogħod mill-gżejjer Maltin. Xita bħal din ilha ma tagħmel f’dawn iż-żoni minn 30 sa 40 sena, u ħalliet f’ċerti bliet anki għadd ta’ vittmi.
F’dan il-każ ix-xita tħalli warajha ambjent spettakolari bħar-riflessi tas-siġar tal-palm fl-għadajjar ta’ ilma li jinsabu mgħarrqin fih, jew l-irqajja’ enormi ta’ deżert miksijin bil-ħdura naturali, xeni li hemmhekk ftit jeżistu.
Dan kollu jfakkar fil-fenomenu klimatiku li qed jolqot id-dinja kollha: fiż-żoni ta’ nixfa kbira kapaċi jagħmel dulluvju ta’ ilma fi ftit minuti, filwaqt li f’żoni fejn is-soltu tagħmel xita regolari, jgħaddu xhur sħaħ, jekk mhux snin, sakemm tagħmel qatra xita.
Hawn Malta għadna qed nistennew li jibda sew l-istaġun tax-xita. Hemm fostna li nkunu qed nistennewh bil-ħerqa, u mhux biss il-bdiewa li jkunu qed jitolbu għax-xita biex ir-raba’ jerġa’ jieħu r-ruħ wara xhur sħaħ ta’ nixfa. Kemm minna saru ma jissaportux l-isħana estrema tas-sjuf Maltin, u minflok jippreferu x-xitwa, l-aktar dik li ġġib magħha x-xita?
Xi jgħidu l-ommijet meta x-xita tibda nieżla proprju filgħodu malli wliedhom ikunu qed jistennew it-trasport biex joħodhom lejn l-iskola, jew propju fil-ħin meta jiskulaw u jkunu jridu jirkbu l-vannijiet u l-kowċis? Xi jgħidu s-sewwieqa meta tagħmel ix-xita filgħodu huma u sejrin lejn ix-xogħol u t-traffiku bħal jibda jkaxkar sakemm jinħolqu sriebet twal u jieqaf kompletament? U xi jgħidu dawk li malli tagħmel ftit xita sew, l-ilma jibda jidħol minn kullimkien, l-iktar min ikun taħt xi penthouse, jew min ikollu l-garaxx taħt il-livell tat-triq? X’jiġri meta tagħmel ħalba sewwa ta’ xita u l-ilma li jinżel mal-wied ma jħallina lanqas noħorġu mid-dar?
Inti x’taħseb dwar l-istaġun tax-xita?