Xiz-zokk ġara?! 4 modi kif iżżomm kalm meta ma tibdiex tifhem x’qed jiġri

 Xiz-zokk ġara?! 4 modi kif iżżomm kalm meta ma tibdiex tifhem x’qed jiġri

Jekk għaddej minn perjodu ta’ inċertezza, forsi ħriġt minn relazzjoni li dawritlek ħajtek ta’ taħt fuq, biddilt ix-xogħol tiegħek li kien ilek snin fih, jew kwalunkwe sitwazzjoni oħra li tista’ tikkawżalek stress, l-ewwel nett għandek tfittex l-għajnuna ta’ xi terapista biex jgħinuk tinnaviga din is-sitwazzjoni. 

Madanakollu, it-terapisti ma jkunux magħna 24 siegħa kuljum u allura, irridu nitgħallmu metodi li jgħinuna nżommu saqajna mal-art u nibqgħu preżenti fil-mumenti, minflok nintlifu fuq x’jista’ jiġri fil-futur. Hawn taħt se ssibu 4 modi differenti li jgħinuk iżżomm il-kalma.

 

  1. Ifhem lilek inniffsek – x’emozzjonijiet qed tħoss? Ifhem x’inhuma u agħtihom isem: “Qed inħossni ________”. B’dan il-mod, tkun aktar onest miegħek inniffsek, tkun konxju ta’ dak li qed tħoss u taċċetta li qed tħossok hekk. 
  2. Uża s-sensi – metodu magħruf ħafna huwa dak li jgħidulu l-5-4-3-2-1 method. Ibda billi tidentifika ħames affarijiet li tista’ tara, erba’ affarijiet li tista’ tmiss, tliet affarijiet li tista’ tisma’, żewġ affarijiet li tista’ xxomm u xi ħaġa li tista’ ttiegħem. Dan l-eżerċizzju jgħinek terġa’ ssib ruħek fl-ambjent ta’ madwarek u mad-dinja esterna. 
  3. Ċaqlaq ġismek – ġeneralment meta nkunu mbeżża’ jew stressati, ġisimna bħal qisu jibbies u spallitna jinżlu ‘l quddiem f’pożizzjoni ta’ protezzjoni. Kull tant ħin aħseb ftit dwar il-pożizzjoni li qiegħed fiha ġismek u ċċaqlaq permezz ta’ xi eżerċizzju biex tidritta dahrek. Eżerċizzju li tista’ tagħmel faċilment minn bilqiegħda huwa li tpoġġi fit-tarf ta’ siġġu, b’saqajk mal-art. Niżżel sidrek ‘il quddiem f’angolu ta’ 45 gradi u tużax idejk biex iżżomm. Meta tkun f’din il-pożizzjoni, innota liema muskoli qed tuża biex ma taqax għal wiċċek. Imbagħad iddritta dahrek u ieqaf fil-punt fejn la l-muskoli ta’ quddiem u lanqas il-muskoli ta’ wara ma jkunu qed jaħdmu. 
  4. Uża n-nifs – meta tfittex fuq Google tista’ ssib ħafna eżerċizzji tan-nifs u meditazzjonijiet differenti. Eżerċizzju sempliċi huwa li tieħu nifs minn imnieħrek għal 45 sekonda, imbagħad tonfoħ ‘il barra minn ħalqek għal sitt sekondi. Dan jgħinek tissinkronizza l-qalb u l-pulmun u tnaqqas l-ansjetà.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com