Żagħżugħ Malti li qed jagħmel suċċess barra minn xtutna
Ħafna drabi, il-midja, mhux biss f’Malta imma anki madwar id-dinja tagħti każ u ssegwi dak l-aktar li jinteressa lin-nies. Eżempju fl-isport, il-midja titkellem ħafna aktar fuq sport popolari bħal futbol milli fuq sport fejn żgħażagħ ikunu qed jagħmlu suċċess, minkejja li forsi l-isport li jipprattikaw mhux popolari daqs il-futbol.
U f’Malta għandna diversi atleti, barra mill- futbol illi qed jagħmlu suċċess, anki fix-xena internazzjonali. U wieħed minn dawn iż-żgħażagħ huwa Tyler Mifsud, sportiv li qed jagħmel suċċess fit-tiġrijiet taż-żwiemel. Bħalissa, Tyler qiegħed jitħarreġ u jieħu sehem fit-tiġrijiet ta’ żwiemel ġewwa l-Iżvezja, post ta’ prestiġju ħafna fejn jidħlu tiġrijiet ta’ żwiemel
Meta bniedem ikun determinat li jasal, jagħmel minn kollox biex jilħaq l-għan tiegħu, u hekk għamel ftit tas-snin ilu dan iż-żagħżugħ ta’ 27 sena mill-Birgu. Ħalla pajjiżna u mexa lejn fejn seta’ jimraħ, jitħarreġ u jirnexxi. Mhux biss tħarreġ, imma llum huwa trainer fl-istalel ta’ Joakim Lövgren’s, stalel li jinsabu fi Skane, li fihom aktar minn 100 żiemel
F’intervista li kien ta s-sena l-oħra lis-sit Expressen, Mifsud kien qal li hu mar jgħix fl-Iżvezja sabiex isir ġerrej professjonali. Bl-ammont ta’ rebħ illi kiseb fl-Iżvezja, Tyler Mifsud huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar ġerreja promittenti
L-imħabba għall-isport ta’ Tyler bdiet minn eta’ żgħira, fejn minbarra ż-żwiemel iħobb ukoll il-futbol. Imma l-imħabba lejn iż-żwiemel rebħet fuq kollox. Fl-intervista li kien ta lis-sit imsemmi, Tyler kien qal li l-imħabba lejn iż-żwiemel ġejja mill-familja
Skont l-intervista ppublikata fuq Expressen, l-idolu ta’ Tyler huwa Örjan Kihlström, li kif tistgħu timmaġinaw huwa ġerrej taż-żwiemel Svediż, ġerrej li rebaħ aktar minn 7000 tiġrija