Inawgurat ċentru ġdid tal-Optimist Club of Malta ‘Ikber Magħna’ f’Marsaskala
Sa mill-bidu tiegħu fl-2021 il-proġett ‘Ikber Magħna’ ra l-ftuħ ta’ numru sostanzjali ta’ ċentri edukattivi madwar il-gżira. Illum, l-inizjattiva ‘Ikber Magħna’ laħqet pass importanti ieħor. Permezz tax-xogħol siewi tal-Kunsilliera Lokali, is-Sinjura Beverly Saliba, u ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-President tal-Optimist Club of Malta, is-Sur Reuben M Buttigieg u s-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, is-Sur Mario Calleja, li inawgura ċ-ċentru ‘Ikber Magħna’ għall-tfal tal-istess lokalità.
Iċ-ċentru ‘Ikber Magħna’ f’Marsaskala huwa ġenerożament sponsorjat minn BNF Bank p.l.c., Il-Lukanda Sensi u l-Lukanda Cerviola ikkontribwew ukoll għal dan il-proġett. L-għan ta’ dan il-proġett hu li jgħin lit-tfal fil-homework u l-istudji tagħhom wara l-ħin tal-iskola. Permezz ta’ dan il-proġett jistgħu jattendu tfal ta’ bejn it-8 u l-10 snin mil-lokalità ta’ Marsaskala, u hemmhekk isibu l-assistenza meħtieġa.
Il-post fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, allokat għal dan il-proġett huwa mgħammar b’laptops, kotba, logħob edukattiv u stationery li jistgħu jintużaw mit-tfal waqt li jagħmlu l-homework u l-istudju tagħhom. Il-proġett jinkludi wkoll varjetà ta’ preżentazzjonijiet u attivitajiet edukattivi extrakurrikulari li jappoġġjaw it-tkabbir ta’ dawn it-tfal barra l-ħin tal-iskola u jipprovdulhom esperjenzi li jgħinuhom jiżviluppaw il-karattru tagħhom għas-snin li ġejjin.
Fi tmiem l-inawgurazzjoni, is-Sur Buttigieg irringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għall-għajnuna tagħhom u lill-isponsors għall-ġenerożità tagħhom, li fl-aħħar mill-aħħar għamlu dan il-proġett possibbli, kif ukoll lill-membri tal-kumitat tal-Optimist Club of Malta.
Optimist Club of Malta hija organizzazzjoni volontarja rikonoxxuta u hija parti mill-Organizzazzjoni Dinjija Optimist International, li l-missjoni tagħha hija li tassisti lill-oħrajn f’diversi reġjuni madwar id-dinja. Il-viżjoni dinjija tal-Organizzazzjoni Internazzjonali Optimist hija li fl-aħħar mill-aħħar tgħin biex toħroġ l-aħjar fiż-żgħażagħ, ittejjeb ħajjithom u l-komunitajiet li jgħixu fihom.
Is-sessjonijiet ‘Ikber Magħna’ se jsiru kull nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa mis-16.30 sas-18.30, fiċ-Ċentru tal-Komunita’, 39, Sunset, Triq il-Kappara, Marsaskala; proġett fejn tfal mill-istess lokalità jsibu l-għajnuna meħtieġa biex ikomplu jitgħallmu, anke wara l-ħin tal-iskola.
Għal aktar informazzjoni ikkuntattja lill-Optimist Club of Malta fuq [email protected]
jew żur: https://www.facebook.com/Optimist-Club-of-Malta-109243067430738