L-importanza tal-eżerċizzju fiżiku. Inti kif iżżomm ruħek attiv/a?
F’waħda mill-karti tal-eżami orali ta’ suġġett ewlieni kien ħareġ titlu dwar l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku f’ħajjitna. Fost il-mistoqsijiet inklużi f’rabta ma’ din is-silta kien hemm din: x’taħseb jekk tiġi introdotta nofs siegħa eżerċizzju fiżiku kuljum fit-timetable tal-iskejjel lokali, daqslikieku l-edukazzjoni fiżika kienet suġġett ewlieni bħall-Matematika, il-Malti u l-Ingliż.
Mistoqsija bħal din bħal tistedinna naħsbu u nirriflettu: kemm sigħat jgħaddu wliedna bilqiegħda fuq siġġu maqfulin fil-klassi jsegwu lezzjoni wara l-oħra? U kemm sigħat jgħaddu bla ma jiċċaqalqu quddiem xi skrijn ta’ xi mowbajl jew tablet jilagħbu l-logħob virtwali jew jaraw videos ta’ natura differenti?
Il-ħtieġa li nagħrfu l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku għandha tiġi sa minn bikri. Dan hu ta’ benefiċċju mhux biss fuq livell ta’ saħħa fiżika, imma jgħinna wkoll sabiex jistimulana mentalment u nħossuna iktar rilassati u kunfidenti matul il-jum ta’ ħidma tagħna.
Barra minn Malta, f’pajjiżi bħaċ-Ċina, hemm id-drawwa li f’ċerti postijiet filgħaxija tibda tindaqq il-mużika fil-pjazez ewlenin sabiex jistiednu lin-nies – inklużi anzjani u tfal, mhux biss żgħażagħ u adulti – joħorġu barra u jqattgħu minn nofs siegħa sa siegħa jiċċaqalqu jew jiżfnu għar-ritmu tal-mużika. Huwa mod mhux biss kif il-popolazzjoni żżomm ruħha f’saħħitha, imma anki mod kif nies bħall-anzjani jħossuhom attivi, mhux minsija u parti mill-komunità.
Interessanti kieku jsir studju fuq bażi lokali fejn naraw ftit il-Maltin li jiddedikaw ħin għall-eżerċizzju fiżiku regolarment kif qed jagħmlu dan. Żgur li hemm bosta li għażlu l-mixi bħala l-eżerċizzju fiżiku ta’ kuljum. Oħrajn jippreferu l-jogging, jew xi dawra bir-rota matul il-weekends jew xi btala pubblika. Hemm min lest jonfoq iktar flus u allura jattendi korsijiet speċifiċi bħall-Pilates, Zumba, Yoga, jew saħansitra jmur il-gym regolarment. Imma kif nafu dawn jirrikjedu tant flus.
Kienet deċiżjoni għaqlija dik li ttieħdet f’dan l-aħħar budget fejn il-gvern qed iħajjar liż-żgħażagħ ta’ ċerta età jmorru l-gym u jħallsilhom għalih. Li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar jitrawmu fit-taħriġ fiżiku regolari hija idea eċċezzjonali.
Għall-kbar hemm bżonn li jiġu introdotti anki gyms żgħar fuq il-post tax-xogħol. Inti x’taħseb?