Nibdew naħsbu għall-Milied
Nibdew naħsbu għall-Milied, minkejja li għad fadallu iktar minn xahar biex ikun magħna. Nafu li jkun hemm ħwienet li jibdew ibigħu oġġetti f’rabta mal-Milied diġà mis-sajf u hemm min jitħajjar jaħsiblek minn ħafna qabel kemm fejn jidħlu oġġetti dekorattivi f’rabta ma’ dan il-perijodu, kif ukoll rigali li nistgħu nagħtu lil familjari u ħbieb tagħna.
Hawn Malta diġà qed naraw ħwienet u anki supermarkets jarmaw bi prodotti f’rabta mal-Milied. Bosta ħarġu biżibilju ta’ oġġetti bħal dekorazzjonijiet: siġar tal-Milied, bozoz ipetptu ta’ lwien differenti, boċċi u oġġetti li jiddendlu mas-siġra tal-Milied, imma anki Father Christmasijiet, renni (reindeer) u borrini ta’ kull daqs. Issa kumpanija li toffri s-servizzi tal-kanali televiżivi inkludiet saħansitra kanal li juri l-jum kollu films bit-tema tal-Milied, u dan minn bosta xhur qabel, sabiex nitħajru iktar narmaw għall-istaġun u nixtru dak li hu meħtieġ minn qabel.
Imbagħad hemm iċ-ċikkulatini, il-Christmas pudding, il-mince pies, il-qagħaq tal-għasel u mitt ħelu tipiku ieħor li soltu nixtru għall-Milied.
Dan hu proprju żmien li kapaċi jew iferraħ lil dak li jkun għax jinħakem mill-ispirtu u mill-istennija tal-Milied, jew inkella jitfa’ f’tensjoni lil oħrajn li bħal jaqbadhom sens ta’ paniku meta jaħsbu li reġa’ wasal dak iż-żmien meta trid taħseb f’dawk kollha li jagħtuk rigal u għalhekk b’xi mod trid tirreċiproka.
Inti x’tip ta’ bniedem inti: persuna li tibda taħseb minn ħafna qabel u tieħu gost tagħżel ir-rigali li se tagħti, tgeżwithom f’karti mlewna bil-kuluri tal-istaġun apposta u skont il-persuna li se tirċevihom? Jew persuna li tħalli kollox għall-aħħar biex fl-aħħar bħal tidħol f’dipressjoni u tensjoni kbira sabiex tlaħħaq ma’ dan kollu? U dan bla ma naħsbu fl-ispejjeż kbar li dan kollu jinvolvi, flus li setgħu ntużaw għal kawżi iktar urġenti u bżonnjużi.
Hemm min jissuġġerixxi li ħaġa importanti hi li jkollok baġit apposta magħmul minn flus li tkun warrabt bil-mod il-mod matul is-sena kollha, u fl-aħħar mill-aħħar meta tiġi għax-xiri tar-rigali ma tesaġerax u ma taqbżux.