Titħajjar iżżur Katowice?

 Titħajjar iżżur Katowice?

Ħafna jħobbu jagħlqu is-sena b’xi safra fix-xahar ta’ Diċembru. Pajjiż li ħafna jħobbu jżuru malli toqrob ix-Xitwa, żgur li huwa l-Polonja. Il-biċċa l-kbira tat-turisti li jżuru dan il-pajjiż, jħobbu jduru mal-bliet ta’ Warsaw jew ta’ Krakow. Madanakollu, l-belt ta’ Katowice, anke jekk forsi mhux daqshekk popolari mal-barranin, wieħed ma jistax jinjora s-sbuħija li kapaċi toffri din il-belt.

Ser insemmu xi ftit punti li ta’ min jikkonsidra jekk ser ikun qed iżur din il-belt Pollakka.

  1. It-Triq Mariacka

Il-ħajja tal-belt mżewqa bi ħwienet, ristoranti u bars tinsab proprju f’din it-triq. Filgħaxija huma ħafna z-żgħażagħ li jinġabru f’din l-akwata.

  1. L-Orkestra sinfonika nazzjonali

Il-binja ta’ dan il-post minn barra ma timpressjonax wisq. Madanakollu, mhux ta’ min jitlef dak li toffri minn ġewwa. Fiha hemm awditorju b’dekorazzjonijiet mill-aqwa u ta’ min jgħid li sal-2014, dan il-post kien għadu kif qed jiġi komplut.

  1. Legendia Silesian Amusement Park

Il-Legendia Silesian joffri divertiment għall-kbar u għaż-żgħar. Fih hemm ristornati differenti u anke attrazzjonijiet varji. L-atmosfera hija waħda fjabeska u tista’ titgawda mill-familja kollha.

  1. Kosciuszko Park

Dan il-park huwa lok ta’ rilassament u ħafna jqisuh bħala wieħed mill-aktar postijiet sbieħ u pittoreski tal-belt. Huwa ġnien kbir mgħoni b’tipi differenti ta’ fjuri u anke lampi li huma spettakolari minnhom infushom. F’dan il-park hemm ukoll knisja żgħira li nbniet għall-ħabta tal-1510, kif ukoll torri li jservi ta’ mafkar f’isem dawk kollha li mietu sabiex jiddefendu l-belt mill-attakki Nażisti.

  1. Il-Wied tat-Tlett Għadajjar

Il- Wied tat-Tlett Għadajjar mhux ta’ min jitilfu. F’ dawn l-inħawi jeżisti ‘walking trail’ li jgħaddu minnu ħafna ċiklisti u anke sajjieda. Hemm madwar xi 9 għadajjar ta’ qisien differenti. Jekk kif tkunu hawn tiffjakkaw, inserħulkom raskom, li hemm minn fejn tixtri wkoll u tieklu xi ħaġa bil-kwiet.

 

L-arkitettura ta’ din il-belt hija rikka ħafna u min hu dilettant anke tal-mużewijiet, f’Katowice hemm numru tajjeb ta’ mużewijiet storiċi li jixhdu dak kollu li għadda minnu l-poplu Pollakk.

Il-vjaġġ it-tajjeb!

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com