Għaliex in-nisa ma jitilqux mid-dar għalkemm ikunu abbużati?
Il-25 ta’ Novembru 2024 fakkar il-Jum Internazzjonali għall-Eliminzzajoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa. Minn statistiċi uffiċjali li ħarġet l-aġenzija Ewropea Eurostat fl-2021 instab li daqs 50 miljun mara ta’ etajiet bejn it-18 u s-74 sena esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali fl-età adulta.
Il-biċċa hi li hemm bosta nisa li huma vittmi ta’ abbuż u xorta waħda jibqgħu d-dar jew fil-post fejn iseħħ dan kollu. Għaliex dan? Għaliex in-nisa jirreżistu għal tant snin kontra l-abbuż, l-umiljazzjoni u l-molestji. Hemm min isostni li raġuni għal dan hija li minkejja li hemm nisa vittmi li jirrappurtaw uffiċjalment l-abbuż dan jaqa’ fuq widnejn torox. Imma dan mhux bilfors il-każ, għalhekk hemm bżonn li jsir titjib mill-aktar fis f’dan il-qasam.
Huwa fatt li hemm nisa li minkejja li jiġu abbużati jagħmlu minn kollox biex jimminimizzaw it-trawma u t-tbatija li jkunu għaddejjin minnhom minħabba l-vjolenza pprattikata fuqhom. Il-mara vittma ta’ abbuż iddum biex tagħraf li hija vittma u għalhekk tkompli tipposponi d-deċiżjoni li titlaq mid-dar minkejja li forsi tkun saħansitra lestiet il-bagalja.
L-istudjużi jgħidu wkoll li r-reżistenza tal-mara kontra l-abbuż ġejja mill-fatt li hi kreatura “ġeneruża”, mimlija ħajja, u għalhekk bħal tassumi r-rwol disperat li tibdel l-imġiba vjolenti u aggressiva tal-partner tagħha. Iva, paradossalment il-mara vittma ta’ abbuż taħseb li tista’ tipproteġi lir-raġel tagħha li hu vjolenti, daqslikieku kien tifel sfortunat. Dan iwassal biex il-mara vittma ma tasal qatt biex taqta’ darba għal dejjem l-irbit mal-partner vjolenti tagħha.
Raġunijiet oħra li jissemmew ħafna huwa l-fatt li l-mara abbużata spiss ma tkunx finanzjarjament indipendenti u għalhekk taħseb li jekk titlaq mid-dar mhix se tkampa. Hemm imbagħad fattur ewlieni ieħor: l-ulied. Kif tista’ mara titlaq mid-dar jekk ikun hemm l-ulied? X’tagħmel, titlaq waħdeha? U jekk tieħu magħha l-ulied kif se tmantnihom jekk ma jkollhiex xogħol fiss li jiggarantixxi lilha u lil uliedha ħajja deċenti?
Jekk taħseb li inti vittma ta’ abbuż tista’ titkellem ma’ nies apposta fuq kellimni.com jew permezz tas-Supportline 179.