Il-qawwa tal-ħsieb pożittiv

 Il-qawwa tal-ħsieb pożittiv

Il-moħħ huwa wieħed mill-aktar organi li għandu setgħa qawwija fil-ħajja tal-bniedem. Dan l-organu, ma jikkontrollax biss il-funzjonijiet tal-ġisem, imma anke t-tip ta’ ħsibijiet li jkollna.  Il-mod ta’ kif naħsbu jaffettwa l-emozzjonijiet tagħna.

Ladarba l-ħsibijiet jinfluwenzaw kif inħossuna, huwa importanti li nderru lilna nfusna biex nikkontrollaw kif naħsbu. Kulħadd jaf kemm il-ħajja kapaċi tkun ikkumplikata, irridu u ma rridux. Biex nistinkaw għall-kuntentizza, l-iktar ħaġa importanti li għandna nagħtu kas hija l-perspettiva. Kulħadd jgħaddi minn mumenti koroh. Aktar milli neqirdu lilna nfusna b’sentimenti ta’ diżappunt u rabja, irridu nimmodifikaw il-mod ta’ kif inħarsu lejn l-affarijiet. Il-ħajja nkunu nistgħu nimmaġjawha aħjar skont kif naħsbu.

Il-mument li nkunu negattivi b’mod eżaġerat ma jgħinx, anzi, jġiegħelna nistaġnaw u ma nibdewx naraw alternattivi. Jekk mill-banda l-oħra, nħarrġu lilna biex dejjem infittxu s-soluzzjoni lejn kull diffikultà, l-andament tal-ħajja jieħu xeħta oħra. Għaldaqstant, dak li ġralna mhux importanti daqs il-mod ta’ kif ninterpretawh. Is-sens ta’ frustrazzjoni nistgħu nnaqsuh u nipprovaw neliminawh billi naċċettaw li xi affarijiet jistgħu ma jmorrux tajjeb.

Kull kuntlarju tal-ħajja, kemm jekk żgħir u kemm jekk kbir, isawwar ir-reżiljenza emozzjonali tagħna.  Sabiex wieħed jimxi ’l quddiem huwa neċċessarju li jirrikonoxxi is-sentimenti tiegħu u jipprova jibni ħsibijiet kostruttivi. B’hekk ikun jista’ jadatta ruħu aħjar għar-realtà ġdida li tiġi ppreżentata. Ikun tajjeb li ma nimlewx ruħna b’ħafna aspettattivi wkoll għaliex dan jgħin li nibqgħu aktar pożittivi.

Fi ftit kliem, li bniedem ikun pożittiv imur lil hinn mill-idea li naraw it-tazza nofsha mimlija. Il-pożittività tista’ tissaħħaħ biss, jekk nibqgħu iffukati fuqna nfusna u nħarsu lejn kull tip ta’ problema b’mod aktar miftuħ. Meta diffilkultà nħarsu lejha minn rkejjen differenti, iċ-ċans li nsibu soluzzjonijiet u strateġiji prattiċi jiżdiedu.

Għaldaqstant, nawgurawlkom is-saħħa u l-paċenzja meħtieġa biex dejjem ittejbu l-perspettiva tagħkom!

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com