It-tifsira reliġjuża tal-Milied madwar id-dinja
Id-dinja Kristjana tiċċelebra l-Milied biex tfakkar l-anniversarju tat-twelid ta’ Ġesù Kristu. Dan hu mifhum mill-Insara bħala “inkarnazzjoni”, li tfisser il-waqt meta Alla sar bniedem fil-forma ta’ Ġesù Kristu. Il-Milied għall-Insara hu opportunità biex jieqfu ftit mill-ġirja tal-ħajja u jirriflettu dwar l-imħabba, it-tama, il-paċi, u l-hena li jsibu fi Kristu, is-Salvatur u ħabib tagħhom. Hija d-drawwa tal-Insara li jagħtu rigali lill-persuni li jħobbu u jirrispettaw, u dan għandu jfakkar fir-rigal li Alla ta lill-bniedem permezz ta’ Kristu. Huwa r-rigal li jfakkar li m’aħna qatt waħedna, imma aħna maħbubin u b’hekk nistgħu nittamaw fil-ġejjieni.
Lil hinn mit-tifsira reliġjuża tiegħu l-Milied sar ifisser ukoll festa ta’ natura kulturali f’pajjiżi differenti. Apparti l-fatt li matul dan iż-żmien nagħtu bosta rigali, inqattgħu xi ħin mal-familjari u ħbieb tagħna, inżejnu d-djar tagħna b’ornamenti speċifiċi u naqsmu bejnietna anki ikliet u drawwiet partikolari.
Waħda minn dawn l-ornamenti li nsibu f’miljuni ta’ djar mad-dinja kollha hija s-siġra tal-Milied. Hija siġra li tħaddar is-sena kollha, mela simbolu tal-ħajja eterna, dik li Kristu wegħedna. Din is-siġra tal-Milied ngħabbuha bid-dwal tal-bozoz jew tax-xemgħat li wkoll ifakkru fi Kristu bħala d-Dawl tad-Dinja.
Il-holly, bil-weraq ippuntati li kważi jniggżuk, ifakkru fil-kuruna tax-xewk li libbsu lil Kristu biex b’hekk tgħabba bil-piż ta’ dnubietna. Imbagħad hemm ukoll il-kulur aħmar li jfakkar fid-demm li xerred Kristu, anki dan tifkira tas-sagrifiċċju li għamel biex isalva lilna l-Insara mid-dnub.
Ma ninsewx ukoll il-presepju li hu b’xi mod tifkira tal-bidu umli ta’ Ġesù, u li l-miġja tiegħu kienet ilha mħabbra minn mijiet ta’ snin qabel twelidu. Jispikkaw fil-presepju l-Maġi li jsegwu d-dawl tal-kometa biex jaslu ħdejn it-tarbija sabiex jagħtuha l-qima xierqa.
Iktar minn mitejn miljun Kristjan fid-dinja hu marbut ma’ Knejjes Ortodossi li l-parti l-kbira tagħhom jiċċelebraw il-Milied fis-7 ta’ Jannar, mhux fil-25 ta’ Diċembru bħalna, ladarba huma jsegwu kalendarju differenti minn tagħna. Ta’ min iżid ukoll li la l-Lhud u lanqas il-Musulmani ma jiċċelebraw il-Milied.
X’ifisser għalik il-Milied?