Jekk se ssiefer f’dawn il-pajjiżi, ara x’azzjonijiet industrijali hemm ippjanati
Kull ħaddiem għandu dritt jieħu azzjonijiet biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Imma ħadd ma jieħu pajċir jiġi affettwat minn dawn l-azzjonijiet, l-aktar jekk dawn l-azzjonijiet, inkluż xi strajk jaffetwa l-vaganza li tkun ilek tippjana. Għalhekk tajjeb li tara x’hemm ippjanat sabiex tkun tista’ tippjana aħjar il-vaganza tiegħek. F’Jannar hemm xi azzjonijiet ippjanati f’dawn il-pajjiżi Ewropew. Ara hux se jaffetwawk
Jekk se żżur l-Italja f’Jannar, tajjeb li tkun taf li għall-10 ta’ Jannar hemm ippjanat strajk li se jaffetwa t-trasport pubbliku kollu għal madwar erba’ siegħat. Ferroviji li jivvjaġġaw fit-tul mhux mistennija jkunu milquta minn din l-azzjoni. U jekk se żżur il-belt sabiħa ta’ Firenze jumejn wara, tajjeb li tkun taf li l-operaturi tat-trams se jagħmlu strajk ta’ ġurnata dakinhar ukoll, kif ukoll fil-25 ta’ Jannar.
Franza mhux nieqsa minn dawn it-tip t’azzjonijiet industrijali. Ilhom matul Dċembru kollu jkollhom xi azzjoni kultant. Il-ħaddiema qed jipprotestaw kontra l-privatizzajoni tar-rotot reġjonali tal-ferroviji. Kun żgur li jekk se żżur Franza, żżomm ruħk aġġornat sabiex tagħmel il-pjanijiet tal-vjaġġi tiegħek, b’mod li ma tispiċċax tgħaddi ħafna ħin tistenna
Portugal– Xi ħaddiema tal-ajruport qed jippjanaw strajk għal l-aħħar tas-sena u ieħor fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida. Il-ħaddiema qed jirrifjutaw ukoll li jaħdmu s-sahra, b’konsegwenza li jaf ikun hemm xi dewmien. Għalhekk min se jivvjaġġa lejn il-Portugal f’dawn il-jiem, tajjeb li jaħsiblu ftit kmieni u jżomm ruħu aġġornat
Ippjana tajjeb jekk sejjer ir-Renju Unit hekk kif ħaddiema tal-West Coast Main Line qed jippjanaw azzjoni industrijali, mhux biss fl-aħħar tas-sena, u fit-2 ta’ Jannar, imma jkomplu bl-azzjoni tagħhom kull nhar ta’ Ħadd. Jekk qed tippjana vjaġġ bil-ferrovija, tajjeb li taħseb b’mod alternattiv kif tasal fid-destinazzjoni tiegħek
U jekk qed tippjana li waqt il-btala tiegħek fi Spajna se tivvjaġġa bit-transport pubbliku (karozza tal-linja), speċjalment fir-reġjuni ta’ Murcia u Andalusia, oqgħod ftit attent. Ix-xufiera qed jitolbu benefiċċji aħjar, u t-talba tagħhom taf taffetwa l-vaganza tiegħek
Għalhekk, jekk se żżur dawn il-pajjiżi tajjeb li żżomm ruħek aġġornat, tippjana rotot u mezzi alternattivi u tkun flessibli li tbiddel xi ħaġa mill-pjan tiegħek