Kif tipprepara jekk għandek in-nies għall-Milied?

 Kif tipprepara jekk għandek in-nies għall-Milied?

Jekk int wieħed jew waħda minn dawk li ser ikollok in-nies għall-festi tal-Milied għall-ewwel darba u ma tafx minn fejn ser tibda, ser insemmu xi ftit punti li jistgħu jgħinuk biex tkun preparat/a u tevita kemm jista’ jkun li jkollok intoppi għal nhar l-okkażjoni.  

Jekk ser tistieden in-nies għal xi ikla:

M’hemmx xi ngħidu, la n-nies ser jiġu għandek biex jieklu, l-ikel innifsu huwa l-aktar element kruċjali. L-ewwel u qabel kollox, importanti li tkun taf bl-eżatt x’ser toffri għal dakinhar. Aħseb minn qabel u tħallix xogħol kbir għall dik il-ġurnata. Li tista’ tlesti, ippreparah bil-kwiet minn qabel. Jekk taf li ser timla’ xi laħam, jew li ser toffri xi deżerta partikolari, ħu ħsieb biex tlesti minn jiem qabel. Għal dakinhar ħalli biss tisjir jew xogħol li bilfors irid isir fil-ġurnata. B’hekk tevita li jkollok stress żejjed u tkun tista’ tinnaviga u tkompli sewwa mal-mistednin tiegħek.

It-tiżjin:

Ftakar li m’hemm xejn isbaħ mis-sempliċità, aktar u aktar jekk ser ikollok numru ta’ nies sew li ġejjin għandek. Iktar ma jkollok affarijiet u dekorazzjonijiet żejda, inqas ikun spazju fej tiċċaqlaq. Madanakollu, jekk trid iżżid atmosfera mingħajr sforz żejjed, dejjem tistgħu tiddekkoraw b’xi xemgħat differenti.

Ix-xorb:

M’hemmx għalfejn ngħidu, kulħadd iħobb xi grokk fi żmien il-festi: kemm għax dak li jkun ikun iktar irrilassat u kemm biex ikompli mal-ħbieb jew mal-familja. Għalhekk, ħu ħsieb biex ikollok stokk tajjeb ta’ xorb.

Tkun interessanti wkoll li wara l-ikla tipprepara wkoll xi xarba sħuna bħal xi tazza tè jew inkella xi hot-chocolate.

Il-mejda:

Il-mejda wkoll trid tippreparaha sew minn qabel. Kun ċert li jkollok kollox issettjat. L-armar tal-mejda jagħti spazju għall-kreattività ta’ min ikun qed jistieden. Ikun interessanti li jkollok xi centrepiece f’nofs il-mejda. Ara li jkollok il-pożati u t-tazzi kollha. Fuq kull platt agħmel xi napkins b’dekorazzjonijiet sempliċi li jaqtgħu b’mod eleganti mal-kulur tat-tvalja.

Affarijiet oħra:

Qis li l-kamra tal-banju tkun f’postha u tkun fl-aqwa stat possibli. F’xi ħin jew ieħor, ħafna jidħlu t-toilet. Tista’ wkoll tipprepara xi board-games għall-kbar u anke xi logħob żgħir għat-tfal jekk dawn ikunu mistiedna. Fl-aħħar u mhux l-inqas, għal dakinhar żommu d-diskussjonijiet fuq temi inqas serji mis-soltu.

Nawguraw lilek u l-mistednin tiegħek, il-festi t-tajba!

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com