L-ismijet tat-tfal jinbidlu skont iż-żmien
Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li jieħdu l-ġenituri hekk kif titwieled it-tarbija (jekk ma jkunux ħadu d-deċiżjoni qabel ukoll), huwa dwar x’isem se jagħtu lil dik il-krejatura ġdida. L-isem huwa ħaġa veru importanti, hekk kif it-tarbija trid tibqa’ ġġorr l-isem li jingħatalha għal ħajjitha kollha.
L-għażla tal-isem jiddependi mill-gosti tal-ġenituri, kif ukoll mill-moda ta’ ismijiet li jkunu qed jingħataw f’dak il-perjodu partikolari. Dak li ma jogħġobx lili parikolari, ma jfissirx li hu ikrah, jew tan-nejk.
Sas-snin ħamsin, qisu kull isem ried ikun assoċjat ma’ xi qaddis (le mhux tal-politka)! U ma konna niddejqu xejn illi minkejja li ħafna drabi, l-isem kien jiġi irreġistrat bit-Taljan, konna nsejjħu lil dak li jkun bl-isem imdawwar għal Malti. Eżempju, tifel irreġistrat bħala Giovanni nsejħulu Ġanni jew naqilbu l-isem ta’ Maria Concetta għal Ċetta
Imma mis-snin sitin il-quddiem, qishom l-ismijiet li jinstemgħu bil-Malti bdew idejquna, u saħansitra qisu meta nsejjħu lil dak li jkun bil-Malti qisna konna qed niddegradawh. Eżempju, Antonio, li bil-Malti jinqaleb għal Toni, malajr bdejna nsejħulu Anthony jew Tony. Aktar minn hekk, mis-snin sittin ‘l quddiem , beda jkollna ismijiet ibbażati fuq karattri tat-televiżjoni jew ismijiet li huma marbuta mal-artisti jew kantanti
L-artisti u l-futbolers , kif ukoll xi politiċi li kienu famużi ħallew impatt . Qas tgħodd kemm -il isem Kevin tisma’, ovvjament imsemmija għal xi Costner jew Keegan. Minn naħa l-oħra issib ammont ta’ tfajliet li twieldu fis-snin 90 illi ssemmew għal Raisa Gorbacheva, mart il-mexxej Sovjetiku Mikhail, illi kienu żaru Malta f’Diċembru tal-1989.
Apparti dawn, f’Malta kellna moda ukoll illi nsemmu it-tfal bil-kunjom ta’ xi ħadd famuż, u waqt li uħud qagħdu tajjeb ħafna bħala ismijiet, oħrajn kienu inqas
U llum? Qisna m’għadniex nistħu nsemmu ismijeit Maltin, u erġajna morna għal ismijiet bħal Ġanni, Nina u Xandru. U llum għandek il-vantaġġ li tista żżid it-tikka fuq l-ittra Maltija u l-isem Ġanni niktbuh sew , mhux Ganni.
Kulħadd gostih, l-importanti li l-isem li nagħtu lil uliedna ma jkun joffendi lil ħadd, mill-bqija tibqa’ għażla tal-ġenituri