Tradizzjonijiet Reliġjużi f’Malta
Ħafna mit-tradizzjonijiet reliġjużi imorru lura għal ammont kbir ta’ snin. Uħud minn dawn it-tradizzjonijiet għadhom jeżistu sa llum , filwaqt li drawwiet oħrajn inqatgħu snin ilu. Iż-żmiem ibiddel, issa jekk hux tajjeb jew ħażin hija kwistjoni oħra.
Waħda id-drawwiet reliġjużi illi m’ għadniex naraw fit-toroq tagħna huwa l-Vjatku. Illum, għal dawk il-persuni illi jkunu waslu f’ kundizzjoni ta’ saħħa ħażina, issir il-Griżma tal-morda. Wieħed mis-sagramenti, imma dan is-sagrament illum jingħata minn xi qassis, mingħajr biss (jew ftit nies) ikunu jafu. Imma fl-umgħoddi l-aħħar sagramenti lil xi persuna maribonda kien jingħata waqt il-vjatku.
Il-qassis, sabiex jasal sad -dar tal-marid, kien ikun akkumpanjat b’mod solenni minn purċissjoni iffurmata minn diversi nies , fosthom il-membri tal-fratellanza tas-Sagrament, kif ukoll xi abbatini. Waqt i-purċissjoni, xi abbati kien idoqq il-qanpiena matul it-triq, sabiex juri li minn hemm kien għaddej il-vjatku, u ovvjament is-sagrament
Fl-imgħoddi kien ukoll jingħata il-bulettin. Il-bulettin kien jingħata f’forma ta’ santa, u l-għan tiegħu kien illi wieħed ikun qerr u tqarben ta’ lanqas darba fis-sena. Meta wieħed kien jitqarben, kien jagħti l-bulettin lill-abbati, u dan jibdlu ma’ ieħor li fuqu kien ikollu kliem bil-Latin, li kien ifisser “ Tqarben fi żmien l-Għid”.
Tradizzjoni oħra li tmur lura s-snin hija l-purċissjoni bil-bambin. Tradizzjoni li kuntrarjament tat-tnejn li semmejna qabel, għadha ħajja sa llum il-ġurnata. Din il-purċissjoni tmur lura sas-sena 1920, meta kienet saret l-ewwel purċissjoni fil-Ħamrun, u kienet daħlet fil-Qasam tal-Ħamrun, li dak iż-żmien kien jinsab fi Triq Atoċja. L-idea ta’ din il-purċissjoni waqgħet f’moħħ San Ġorġ Preca waqt li kien qed iqarar. Kif issemma, l-purċissjoni daħlet fil-Qasam tal-Ħamrun, imma tajjeb li wieħed isemmi, li din il-purċissjoni bil-Bambin kienet bdiet minn dar ħdejn il-pont tal-Marsa
Din il-purċissjoni baqgħet għaddejja sena wara sena, lanqas il-gwerra ma waqqfitha. L-unika darba li ma saritx kienet fl-għeluq il-mitt sena, jiġifieri fis-sena 2020. Dak li ma waqqfitx il-gwerra, waqqfitu l-imxija tal-Covid.