Xi jfisser Jum ir-Repubblika?
It-13 ta’ Diċembru għalina bħala Maltin hija data importanti għax fiha nfakkru Jum ir-Repubblika. Dan huwa jum ewlieni f’katina itwal ta’ jiem storikament importanti li wasslu lill-poplu Malti biex wara sekli twal ta’ ħakma barranija jikseb il-ħelsien sħiħ mill-mexxejja barranin.
Wara li Malta kisbet l-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru tal-1964, il-kap tal-Istat Malti xorta baqgħet ir-Reġina tal-Ingilterra, Eliżabetta II, mela sa għaxar snin wara Malta baqgħet monarkija, bil-Gvernatur bħala r-rappreżentant tar-Reġina f’Malta. Għalhekk kien wasal iż-żmien biex isiru tibdiliet fil-kostituzzjoni ta’ Malta u kien hawn meta ż-żewġ naħat tal-Parlament qablu li Malta għandha ssir Repubblika, u ma tibqax aktar monarkija.
Il-jum tant mistenni wasal: kien it-13 ta’ Diċembru 1974 meta tniżżlet il-bandiera Ingliża u minflokha ttellgħet dik Maltija biex tħabbret Malta Repubblika. Sir Anthony Mamo, li kien ukoll l-aħħar Gvernatur, ħa postu bħala l-ewwel President, u Dom Mintoff bħala l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Repubblika.
Għalhekk minn dik is-sena sal-lum huwa l-President il-Kap tal-Istat Malti u huwa hu li jiffirma l-liġijiet li jgħaddu mill-Parlament. Mill-bidu sal-preżent Malta kellha 11-il president, bl-E.T. is-Sinjura Myriam Spiteri Debono bħala t-12-il President ta’ Malta.
Ta’ kull sena Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, f’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President, jorganizzaw għadd ta’ attivitajiet kommemorattivi. Fit-13 ta’ Diċembru tittella’ l-bandiera Maltija fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta quddiem il-mexxejja politiċi, dinjitarji u l-pubbliku inġenerali. Isiru wkoll parati militari, kunċerti, wirjiet kulturali u saħansitra spettaklu ta’ murtali.
Fil-Marsa, fi Triq Diċembru 13, hemm il-monument iddedikat lil Malta Repubblika, fejn il-President ta’ kull sena jqiegħed bukkett fjuri. Anki t-triq ewlenija tal-Belt Valletta hija msemmija għal Malta Repubblika.
F’dan il-jum u ta’ kull sena l-President jagħti numru ta’ onorifiċenzi lil għadd ta’ Maltin u Għawdxin li jkunu għamlu isem u taw kontribut siewi lil pajjiżhom f’oqsma differenti, fosthom Ġieħ ir-Repubblika, l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, Midalja għall-Qadi tar-Repubblika u Midalja għall-Qlubija.