X’tista’ tagħmel jekk xi ħadd li tħobb għaddej minn vjolenza domestika?
B’xi mod jew ieħor, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tolqot lil kulħadd. Kemm jekk il-persuna tkun vittma u kemm jekk tkun xhieda tagħha, l-effetti li tħalli m’huma xejn sbieħ.
Ta’ spiss insibu ruħna darna mal-ħajt meta ninzertaw episodju ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru quddiemna jew nisimgħu bih mingħand il-vittma li tkun ġarrbitu. Dak li jkun forsi jibża’ jieħu azzjoni jew jaħsibha darbtejn qabel ma jagħti parir f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Biss, huwa essenzjali li nżommu f’moħħna li permezz tal-interventi tagħna, nkunu mhux biss qed ngħinu lil persuna li qed tesperjenza l-abbuż, iżda nkunu qed nassiguraw is-sigurtà u d-dinjità tal-persuna li ħafna drabi jkunu mxekklin bl-abbuż.
Barra minn hekk, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tirrenja f’kuntesti fejn l-isterjotipi u normi negattivi dwar il-ġeneri jkunu b’saħħithom għaliex minnhom jitnisslu l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u l-iżbilanċ fil-poter u l-kontroll kemm fuq skala soċjali u kif ukoll fuq livell personali. Għalhekk, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-forom kollha tagħha inkluż, l-abbuż fiżiku, l-abbuż psikoloġiku, l-abbuż sesswali, l-abbuż ekonomiku u l-abbuż online jimmanifestaw ruħhom f’diversi sferi tas-soċjetà permezz tal-vjolenza domestika, vjolenza fuq il-post tax-xogħol, traffikar uman għal fini ta’ sess u ħafna aktar.
Madanakollu, jekk taf lil xi ħadd li għaddej minn dawn is-sitwazzjonijiet, inti xorta waħda tista’ tkun ta’ għajnuna. Peress li ħafna drabi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika jibqgħu mistura, meta nindunaw b’xi ħaġa li mhux f’postha jew il-persuna stess tiftaħ qalbha dwar l-esperjenzi li tinsab għaddejja minnhom, m’għandniex inxerrdu l-kelma ma’ terzi persuni mingħajr il-kunsens tal-persuna. F’kuntest lokali fejn kulħadd jaf lil kulħadd, jekk l-għajdut jaslu f’widnejn l-aggressur, il-vjolenza kontra l-persuna kapaċi teskala. F’każ fejn inzertajt rajt xi tip ta’ abbuż, u ma tħossokx komdu tintervjeni b’mod dirett minħabba li l-periklu huwa kbir, staqsi għall-għajnuna immedjata u ċempel 112. Huwa importanti li f’sitwazzjonijiet bħal dawn nagħtu prijorità lis-sigurtà tagħna nfusna u tal-vittma.
F’sitwazzjonijiet fejn il-persuna li għaddejja mill-abbuż hija qrib tiegħek u fdat l-esperjenzi tagħha miegħek, huwa importanti li qabel tagħti parir tinforma ruħek dwar is-servizzi professjonali li jeżistu sabiex b’hekk tkun tista’ tagħti pariri siewja u tħeġġeġ lill-persuna tfittex għajnuna professjonali. Dawn is-servizzi joffru assistenza soċjali, psikoloġika u legali mingħajr ħlas u jekk il-vittma għadha mhux komda li tirrapporta l-vjolenza lill-pulizija, xorta waħda tista’ taċċessa dawn is-servizzi. Għal aktar tagħrif dwar dawn is-servizzi żur din il-ħolqa: https://www.stopviolence.gov.mt/directory/.
Għalkemm l-ewwel istint tagħna jkun li nħeġġu lill-persuna sabiex titlaq lill-aggressur, għandna dejjem inħeġġu lill-persuna sabiex tagħmel kuntatt mas-servizzi professjonali sabiex joffrulha gwida u pjan sikur ta’ kif għandha toħroġ mir-relazzjoni bla periklu. Meta l-persuna titlaq mir-relazzjoni mingħajr pjan, jista’ jiżdied ir-riskju. Għalhekk, huwa importanti li nirreferu lill-persuna għand is-servizzi professjonali. Biss, għandna nirrispettaw id-deċiżjonijiet li tieħu l-persuna u m’għandna qatt nagħtuha t-tort jew niġġudikaw l-għażliet tagħha. Wara kollox, il-vjolenza u l-abbuż mhuma qatt ġustifikati.
Li ngħinu f’sitwazzjonijiet bħal dawn huwa dmir daqs kemm huwa dmir l-attiviżmu kollettiv kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Għalhekk, segwi l-kampanja ‘Nieqfu Flimkien. Flimkien Infiqu.’ sabiex tinforma iżjed ruħek dwar dan il-fenomenu filwaqt li tingħaqad fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.