Ara kif tagħżel l-aħjar materjal għal-libsa tat-tieġ tiegħek…
Meta tiġi biex tagħżel l-aħjar tip ta’ materjal għal-libsa tat-tieġ tiegħek, huwa importanti li taħseb sew u ma tiġrix. Hemm diversi fatturi li għandek tikkunsidra, dan hekk kif il-materjal tal-libsa ma jiddeterminax biss l-estetika, iżda jinfluwenza wkoll il-kumdita, il-moviment, u anke kif tidher fir-ritratti matul il-jum speċjali tiegħek.
Hawn taħt se ssibu gwida li tistgħu tużaw biex taslu għall-għażla l-aktar ideali fejn jidħol il-materjal tal-libsa tat-tieġ.
- Ikkunsidra l-istaġun – il-perjodu li fih se tiżżewweġ jista’ jaffettwa l-għażla tiegħek b’mod sinjifikanti. Materjal ħafif bħal chiffon, organza jew tulle huma ideali għal tiġijiet fir-rebbiegħa jew fis-sajf. Filwaqt li materjal aktar tqil bħal satin u bellus huma aktar ideali għall-ħarifa jew għax-xitwa.
- Ifhem sew l-istil tiegħek – l-istil personali tiegħek u t-tema tat-tieġ tiegħek għandhom irwol sinjifikanti fl-għażla tal-ilbies. Għal dehra romantika u xi ftit vintage għandek tmur għal xi libsa tal-bizzilla jew ħarir. Intant, jekk tixtieq xi ħaġa aktar moderna għandek tmur għal xi libsa magħmulha minn materjal bħal mikado (issatinat u tqil). Jekk tixtieq libsa bħal tal-prinċipessi, mela għandek tmur għal materjal li minnu nniffsu fih ħafna volum bħat-tulle u l-organza.
- Ipprova l-materjal u ara tħossokx komda – ftakar li l-libsa se tkun fuqek għal ħafna sigħat. Allura għandek tassikura li l-materjal huwa komdu fuq il-ġilda tiegħek. Jekk tixtieq xi ħaġa ftit aktar delikata, żgur mhux se tkun iddiżappuntat jekk tmur għall-ħarir jew satin għax huma materjali sottili.
- Aħseb fil-movimenti tiegħek – il-libsa tiegħek għandha tippermettilek li tgawdi l-jum speċjali għalik. Inti u tagħżel il-materjal, ikkunsidra li tkun tista’ tiċċaqlaq sew mingħajr ħafna problemi.