Raqda ħafifa fuq ix-xogħol mhux sinjal ta’ għażż
Timmaġinak tieħu nagħsa waqt il-ħin tax-xogħol? X’taħseb li jgħidu sħabek, u aktar u aktar x’jgħidu is-superjuri tiegħek? Probabbilment, apparti l-kummenti u botti fini tal-kollegi, tispiċċa b’xi passi dixxiplinarji imdendla fuq rasek, hekk kif f’għajnejn kulħadd, int tkun għażżien u skartatur.
Imma mhux jekk tkun taħdem fil-Ġappun, fejn nagħsa ħafifa waqt ħin ix-xogħol, mhux biss hija aċċettabli, imma rakkomondata. F’dan il-pajjiż Asjatiku, raqda ħafifa waqt ħin ix-xogħol turi li l-persuna huwa dedikat. Din it-tip ta’ nagħsa, imsejħa inemuri, turi li l-persuna ikun ħadem ħafna u issa għandu bżonn ftit minuti sabiex jiċċarġja l-batteriji. U dan kollu sabiex wara li jqum, jibda jaħdem u jkun aktar produttiv.
Din il-prattika hija komuni l-aktar fl-uffiċini, u huwa metodu kif dak li jkun, wara r-raqda jkun aktar iffukat, u ovvjament aktar produttiv. L-inemuri tidher li taħdem tajjeb ħafna, l-aktar ma’ dawk il-ħaddiema li jaħdmu siegħat twal ta’ xogħol
Meta toqgħod taħseb ftit, tinduna li din il-prattika tagħmel is-sens. Għax fejn l-aktar li ttella’ xogħol? Fejn tipprova tagħmel xi tmienja (jew tnax) siegħat kontinwi jew fejn kultant tieqaf għal ftit ħin u tkompli?
Min jaf, forsi xi ħadd waqt xi staff meeting jissuġġerixxi din il-prattika. Fuq kollox dan sabiex inkunu aktar effettivi u produttivi, kif ukoll xi ħaġa tajba għall- benesseri tal-ħaddiem