“Nistennik Maġenb Katidral Sieket… Is-Sliem Ħabib”

 “Nistennik Maġenb Katidral Sieket… Is-Sliem Ħabib”

Il-funeral mill-Istat tal-Professur Oliver Friggieri se jsir illum 25 ta’ Novembru. Il-quddiesa praesente cadavere se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fis-2.00 p.m. u se tkun ikkonċelebrata mill-Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.

Il-Korteo funebri se jitlaq mill-Isptar Mater Dei fis-12.45 p.m. lejn l-Università ta’ Malta fejn il-Professur Friggieri għadda għexieren ta’ snin minn ħajtu jeduka lill-istudenti tiegħu bħala lettur fid-Dipartiment tal-Malti fejn serva wkoll bħala Kap tad-Dipartiment u Professur tal-Letteratura. Hawnhekk se jingħata tislima xierqa mill-Università.

Innutajna poeżija ħelwa miktuba minn Ray Debono b’tislima lejn il-Professur Friggieri. Ray kiteb din il-poeżija wara li kien ħbieb kbar, Furjaniż bħalu u kien imur spiss ħdejh l-Università u anke d-dar tiegħu fejn kellhom rispett reċiproku lejn xulxin.

Lill-Professur Oliver Friggieri

Nistennik 

Għada tkun hawn
Xtaqt rajtek fl-uffiċċju tiegħek
Fid-daħna tas-sigaretti u
Fil-geġwiġija ta’ kliemek
Li jaqbeż min-naħa għall-oħra
Fi spazju dejjaq u setgħan!
Xtaqt rajtek maġenbi
F’diskussjoni li ma tispiċċa qatt
Fuq is-sens ta’ l-univers
U fuq dak kollu li jgħammar fih!
Xtaqt kellimtek aktar dwar dak li
Sawwarni iżda inti taf dan kollu
Għax dak li sawwar lili
Sawwar lilek ukoll
U lil ħafna ohrajn
Li int sawwart!
Issa ninsab hawn
Nistennik maġenb katidral sieket
Maħnuq jipprova jifhem ukoll
X’sawwar dan il-ġens
Li int tant habbejt!
Is-Sliem ħabib tiegħi u Grazzi.
(It-Tlieta 24 ta’ Novembru, 2020)
Ray Debono
Floriana

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com