Il-Proposta ta’ Bernard Grech Għal Referendum Dwar Il-Mina Inaċċettabbli – Il-Gozo Business Chamber
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija sejħet bħala inaċċettabbli l-proposta li ħareġ biha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-Ħadd li għadda li jsir referendum dwar il-mina bejn Malta u Għawdex.
Fi stqarrija, il-Kamra għamlet referenza għal mozzjoni li tqiegħdet fuq il-mejda tal-kamra f’April tas-sena li għaddiet u nnotat li din kien approvata kemm min-naħa tal-Gvern u kemm min-naħa tal-Oppożizzjoni.
Il-Kamra qalet li wara x-xogħol kollu li sar f’dawn l-aħħar snin, fosthom bosta studji, is-sejħa ta’ referendum min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni mhix xierqa.
“Dan il-pass kellu jittieħed meta l-proġett kien inkluż fuq l-aġenda tal-politika nazzjonali. Il-fattibbiltà u l-kontinwazzjoni tal-proġett għandha tiġi determinata biss permezz ta’ studji tekniċi li għadhom għaddejjin”, qalet il-Kamra.
Il-Kamra żiedet tgħid li dan huwa proġett importanti fit-tul u mifrux fuq medda ta’ leġislaturi. Qalet li f’dan il-kuntest, il-mozzjoni li ġiet approvata mill-Parlament, wasslet għal qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra fuq direzzjoni strateġika li għandha tiġi adottata fuq dan il-proġett.
“Li toqgħod tipprova tilgħab ma’ proġett importanti u fit-tul li għandu bosta benefiċċji għas-soċjetà Għawdxija u l-ekonomija mhux aċċettabbli. Dan se jerġa’ jpoġġi dan il-proġett importanti u li ilu mistenni għal bosta snin fuq l-ixkaffa”, qalet il-Kamra.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tenniet li link permanenti jelimina l-inugwaljanzi bejn l-ekonomija ta’ Għawdex u Malta. Qalet li dan se jagħmel l-għajxien f’Għawdex għażla li ma tkunx ristritta mil-limitazzjonijiet fiżiċi preżenti, fejn iż-żgħażagħ li jixtiequ jibdew jgħixu f’Għawdex, jistgħu jagħmlu dan liberalment.
Temmet tgħid li minn perspettiva ekonomika dan ifisser li l-limitazzjonijiet preżenti marbuta mal-insularità ma jibqgħux jeżistu.